Sport Sport Ieħor

Boris Becker jemmen li Novak Djokovic ħaqqu aktar rispett

L-eks tennist Ġermaniż Boris Becker saħaq li d-dilettanti tat-tennis għandhom jirrikonoxxu l-kobor ta’ Novak Djokovic wara li l-Ħadd kiseb is-16-il Grand Slam fil-karriera tiegħu.

Djokovic li għandu 32 sena, rebaħ il-ħames titlu personali f’Wimbledon wara li għeleb lil Roger Federer f’logħba li se tibqa’ tissemma fl-istorja ta’ Wimbledon. Il-logħba damet erba’ sigħat u 57 minuta biex saret l-itwal finali milgħuba. B’din ir-rebħa, Djokovic resaq erba’ Grand Slams bogħod minn Federer u tnejn taħt Nadal.

Il-pubbliku f’Centre Court ipprefera lil Federer u anki ċapċpu meta Djokovic falla xi punti u f’mument minnhom anki saffrulu meta kkontesta punt. Becker li kien il-kowċ ta’ Djokovic bejn l-2013 u l-2016 qal li dan il-fatt għenu biex jissielet fis-set deċiżiv.

“F’ħin minnhom ta xi ħarsiet lejn xi nies fil-folla iżda dak kif jaħdem hu. Tasal f’punt meta tkun frustrat imma naħseb li kkontrolla lilu nnifsud tajjeb u kien preparat tajjeb mentalment,” kompla Becker.

Roger Federer fl-età ta’ 37 sena, kien qed jimmira li jirbaħ id-disa’ titlu f’Wimbledon, li bih kien jilħaq lil Martina Navratilova fil-lista’ ta’ kull żmien. Matul iż-żmien, Federer kiseb appoġġ tremend u sar il-favorit tal-pubbliku f’Wimbledon.

“Federer hu l-aqwa ta’ kull żmien hawn u għandu d-dritt li jirċievi dik l-imħabba, iżda fuq in-naħa l-oħra, trid tirrispetta erba’ darbiet rebbieħ naqra iktar. Nittama li jekk is-sena d-dieħla jerġgħu jilagħbu, l-appoġġ ikun aktar bilanċjata,” qal Becker, rebbieħ tliet darbiet ta’ Wimbledon.

Becker jemmen li s-sid numru wieħed tad-dinja mhux se jieqaf qabel jaqbeż in-numru ta’ Grand Slams mirbuħa minn Roger Federer u Rafael Nadal. Hu rebaħ erba’ mill-aħħar ħames Grand Slams u jista’ jżid aktar hekk kif hu kważi sitt snin iżgħar minn Federer.

Il-forma ta’ Djokovic fl-aħħar snin tkompla tispikka hekk kif l-ewwel Grand Slam mirbuħ minnu kien fl-2008 meta Federer kien diġà rebaħ 13 u Nadal kien rebaħ ħamsa.

Minbarra s-suċċess tal-Ħadd, Djokovic rebaħ Wimbledon fl-2011, fl-2014, fl-2015 u fl-2018 biex laħaq lil Bjorn Borg. Federer u Pete Sampras huma l-uniċi li rebħu aktar minn Djokovic, bi tmien u seba’ suċċessi rispettivament.