Futbol Sport

Casillas jidħol fl-istaff tekniku ta’ Porto hekk kif qed ikompli jirkupra

(Ritratt: EPA)

Il-gowlkiper ta’ Porto Iker Casillas ingħata rwol fl-istaff tekniku tal-klabb hekk kif qed ikompli jirkupra minn attakk f’qalbu li kien sofra xahrejn ilu. Porto qalu li l-irwol ta’ Casillas hu li jassigura għaqda bejn il-plejers, il-kowċ u t-tmexxija.

Casillas li rritorna għat-taħriġ mal-klabb fl-1 ta’ Lulju, qal li se jipprova jagħmel l-aħjar tiegħu biex jgħin lil sħabu. “Il-kowċ kellimni l-istaġun li għadda meta ġrat is-sitwazzjoni tiegħi u qalli li ried li nibqa’ magħhom, viċin il-plejers u ż-żgħażagħ għaliex se jkun hemm ħafna bidliet,” qal Casillas.

L-Ispanjol għamel ħamest ijiem fl-isptar wara l-attakk ta’ qalb u dak iż-żmien kien qal li ma kienx jaf il-futur x’se jkun. Il-gowlkiper li ngħaqad ma’ Porto fl-2015 mingħand Real Madrid, lagħab 31 logħba ma’ Porto li fl-istaġun li għadda spiċċaw it-tieni fil-kampjonat.

Il-karriera ta’ Casillas tibqa’ famuża għaż-żmien tiegħu ma’ Real Madrid. F’karriera ta’ 16-il sena lagħab 725 logħba u fost l-unuri rebaħ tliet darbiet il-UEFA Champions League u ħames darbiet il-kampjonat. Mat-tim nazzjonali Spanjol hu rebaħ it-Tazza tad-Dinja fl-2010 u l-Kampjonat Ewropew fl-2008 u fl-2012.