“Naħseb illi jafu l-karattri tiegħi u ta’ Bjorn, jafu dak li qed nipproponu u jafu illi filwaqt li t-tnejn ġbarna l-istess ideat, jien bħalma għamilt meta kont fl-MFA urejthom kif ħa nagħmilha, minn fejn ġejjin il-flus u meta kelli xi ħaġa f’idejja l-MFA jien, I delivered.”
“Jafuni sew u dejjem kont ta’ kuntatt magħhom u jafu li jekk nitla’ jien, il-prijorità tiegħi ħa tkun Malta mhux barra. Ħa tkun Malta, il-futbol Malti u l-klabbs, għalhekk il-logo juri klabbs fuq nett għax jafu li jien verament ħa npoġġi l-interessi tal-klabbs fuq nett għalhekk naħseb li għandhom jivvutawli, kif ukoll l-passjoni li għandi lejn il-logħba ħa twassalni biex nieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn isir biex iva nibdew nikkompetu.” Din hi r-raġuni għaliex Chris Bonett jemmen li għandu jkun il-President tal-MFA l-ġdid fl-elezzjoni tal-20 ta’ Lulju.
Chris Bonett għażel pjan ta’ disa’ snin għas-sempliċi raġuni li jemmen li President tal-MFA ma għandux jagħmel aktar minn għaxar snin għaliex saħaq li bniedem għandu tant ideat u meta eventwalment dawn jispiċċaw ikun wasal iż-żmien biex jagħmel xi ħaġa oħra.
“Is-sabiħ tal-programm tiegħi hu għalija u għal min ġej warajja. L-idea hi li jien inkun dak il-President li jagħmel li hemm bżonn isir, jiena dak li ħa naqbad il-pala u ħa nibni l-pedamenti għax bħalissa lanqas pedamenti ma għandna.”
Hu żied li jittama li dak iż-żmien il-futbol ikollu tal-anqas il-kampjonati awtonomi, li jkun hemm LEGA li torganizza l-Premier u l-Ewwl Diviżjoni u LEGA li torganizza t-Tieni u t-Tielet Diviżjoni, il-klabbs tal-Premier u l-First joperaw fuq bażi professjonali amministrattivament u li t-tim nazzjonali tal-anqas jirbaħ il-grupp tiegħu f’League D.
“L-irwol tal-President għandu jkun aktar ta’ supervisor. Jien irrid li l-programm jiġi implimentat u li meta l-klabbs, plejers, kowċis, referees iħabbtu l-bieb tal-MFA, lill-President isibuh. Meta l-affarijiet imorru ħażin, il-President irid ikun il-bniedem li jitfa’ wiċċu quddiem kulħadd, xi ħaġa li fl-aħħar snin ma ġratx sfortunatament.”
Chris Bonett jemmen li ż-żmien li għamel fl-MFA se jkun ta’ għajnuna kbira għalih u żied li wieħed irid ikun umli biżżejjed li jagħraf l-iżball, jifhem xi jkun għamel ħażin u ma jirrepetihx.
L-attendenzi u l-fiduċja tal-pubbliku
Chris Bonett jemmen li dwar l-attendenzi hemm bżonn isir xi ħaġa u qed jipproponi li l-MFA iddur dawra magħna nnifisha u tara x’hemm bżonn isir biex jerġgħu jinġiebu n-nies lejn il-grawnd.
“Biex inkun ġust, ħaġa li żgur se nagħmel hi li naqta’ l-arroganza li għandna. Aħna sfortunatament konna arroganti u ninkludi mhux biss lill-MFA iżda lil kulħadd. Aħna nippretendu li aħna l-futbol u għalhekk in-nies għandhom jiġu. Qed nikkompetu f’suq miftuħ u rridu nikkonvinċu lin-nies li jiġu jaraw il-futbol.”
Hu jaħseb li f’ċertu aspetti ntilfet il-fiduċja tal-pubbliku Malti. “Jien naħseb l-aktar ħaġa li għamlet ħsara lill-MFA, kienet xi ħaġa li aħna ħsibna li ħa tagħmel ġid. Aħna ħsibna li jekk il-ġlieda kontra l-korruzzjoni niġġilduha u nuru lil kulħadd x’qed nagħmlu, dik se terġa’ ġġib ċertu kredibbiltà. Norman Darmanin Demajo kien sfortunat għaliex ftit wara li daħal fl-2010, faqqa’ l-każ ta’ Norveġja v Malta.”
“Nemmen li l-effett kien bil-kontra għaliex minflok in-nies bdew jgħidu li vera hawn il-korruzzjoni fil-futbol Malti u mhux li l-MFA kienet qed tiġġieled kontra l-korruzzjoni. Jien nemmen li trid tibda tinvestiga minn taħt u hi diffiċli hawn Malta imma nemmen li hemm modi kif.”
Il-proġett tal-istadium nazzjonali
Normalment il-problema tkun li bħalissa kulħadd iwiegħed iżda kif tgħaddi l-elezzjoni ċertu ħsibijiet itiru mar-riħ. Staqsejt lil Chris Bonett dwar il-proġett li għandu f’moħħu għall-istadium nazzjonali, proġett li probabbilment hu l-akbar wieħed f’termini finanzjarji.
Hu qal li se jassigura li l-proġett isir bid-deċentralizzazzjoni. “Ma jistax ikun li l-MFA tibqa’ tagħmel kollox hi. Il-proġett kummerċjali hi li tinħoloq entità li hi apparti l-MFA, illi jkun hemm persuni li mhumiex fl-amministrazzjoni li qed imexxuha u jaħdmu fuq dik biss. Mhux neċessarjament jifhmu fil-futbol. 70% mill-proġett hu bini iżda l-proġett se jsir għall-futbol u mhux għall-kummerċ.”

L-aspett kummerċjali u l-akbar titjib li hemm bżonn
Chris Bonett qed jagħfas ħafna li tinħoloq entità kummerċjali li tiġbor dak li għandha l-MFA bħalissa u żżid oħra magħhom, f’sistema li jkun hemm persuni apposta li jmexxu din l-entità. Il-ħsieb ta’ Bonett hu li 55% tal-introjtu jmur għand il-klabbs. “Jekk aħna qed ngħidu li l-klabbs iridu jikbru amministrattivament, il-flus iridu jiġu minn x’imkien.”
Dwar l-aktar titjib li hemm bżonn, Bonett jemmen li hi ħolqa. “Jekk irridu nikbru rridu l-flus. L-aktar ħaġa li tista’ tiġġenera l-flus bħalissa hu proġett kummerċjali. Wara trid tara x’se tagħmel bihom il-flus u minbarra li jikbru l-klabbs, bħala futbol nibdew niċċaqalqu bl-investiment li nagħmlu.”
Bonett żied li llum ma għadniex nitkellmu fuq futbol u semma eżempji dwar proġetti li għandu bħall-istil ta’ futbol milgħub, x’qed jitgħallmu t-tfal, jekk it-tim Malti hux sejjer tajjeb, x’qed jagħmel iċ-Ċentru Tekniku u l-logħba Maltija fejn tinsab. “Hemm vantaġġ minnha għax meta tkun fil-qiegħ titla’ biss tista’. Irridu nkunu umli biżżejjed li nammettu li qegħdin hemm isfel.”
“Il-prodott li ħiereġ mhux ta’ kwalità u hemm fejn naħseb li għandi idea li trid tibda minn 10 snin u għandi pjan tekniku elaborat ħafna u rrid nirringrazzja ħafna lil Carmel Busuttil. Ħa jkun hemm nies oħra li eventwalment li lagħbu barra l-pajjiż u ħa jkollna bżonn li jagħtu lit-tfal dak li ġabu huma minn barra.”
Xi tkun l-ewwel idea li titwettaq jekk ikun elett?
“Irrid inserraħ ras l-impjegati li it is business as usual. Min irid jaħdem se jkun jista’ jaħdem. Għandi vantaġġ li naf l-impjegati għax ħdimt magħhom imma rrid intihom entużjażmu ġdid. Irrid inkun ċert li jkolli n-nies ta’ madwari tajbin għaliex dak hu s-sigriet tas-suċċess.
Bonett saħaq li l-Viċi Presidenti jridu jkunu miegħu t-Tnejn filgħodu biex jaraw liema żoni se jkunu responsabbli minnhom u kompla li ;-uffiċjali u l-impjegati jridu jimplimentaw il-programm li se jkollu jekk ikun elett bħala President.
L-avversarju Bjorn Vassallo
Ħafna qed jgħidu li hi ħasra li din l-elezzjoni se jkun hemm tellief bejn Chris Bonett u Bjorn Vassallo. Staqsejt jekk ikunx lest li joffri rwol lill-avversarji tiegħu jekk jirbaħ. L-ewwel reazzjoni tiegħu kienet li ma għandux dubju li ma jistgħux jinħlew riżorsi.
“Għandna karattri u prijoritajiet differenti ħafna. Jien għandi rispett kbir lejn Bjorn. Irridu naraw Bjorn x’jixtieq jagħmel. Jekk jibqa’ Malta, Bjorn postu fil-futbol Malti u kull minn ma ħassux parti mill-familja fl-aħħar snin irid jiġi ntegrat.”
Mistoqsi biex isemmi l-aħjar proposta ta’ Vassallo u li mhix inkluża fil-programm tiegħu, Bonett qal l-idea tal-manteniment tal-istadiums reġjonali li jaqgħu taħt l-MFA. Hu kompla li dan kien eżempju klassiku ta’ dak li sar fil-passat. “Jekk insir President u hi fattibbli hi xi ħaġa li nieħu mill-programm ta’ Bjorn.”
//= $special ?>