It-talba biex Vince Muscat jingħata l-libertà provizorja ġiet miċħuda. Muscat, maghruf bhala l-Koħħu, huwa wieħed mill-akkuzati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit iddeċidiet li Vince Muscat għandu jibqa’ taħt il-kustodja tal-pulizija hekk kif il-kumpilazzjoni tal-provi kontrih u l-aħwa Alfred u George Degiorgio għandha tkompli.
Wara t-talba mill-avukat Arthur Azzopardi, il-Maġistrat qalet li peress li l-investigazzjonijiet dwar il-qtil għadhom ghaddejin, l-Ispettur Keith Arnaud li hu l-investigatur ewlieni jista’ jkollu tħassib dwar l-għoti tal-libertà proviżorja.
Il-Qorti qalet li l-Ispettur Arnaud jaf ikollu numru ta’ dubji u anki biżgħat dwar dak li jista’ jiġri f’dan il-każ – dan għalkemm mhux dejjem jurihom fil-miftuħ.
Intant it-Tnejn filgħodu dehru wkoll l-aħwa Degiorgio flimkien ma’ Muscat; it-tliet akkużati bil-qtil ta’ Caruana Galizia, fejn tkompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tagħhom.
Il-Qorti kienet diġà qalet li hemm biżejjed evidenza biex it-tliet akkużati jitpoġġew taħt att ta’ akkuża. U issa jonqos biss li l-Avukat Ġenerali joħroġ l-att tal-akkuża.
L-aħwa Degiorgio u Muscat għaddew l-aħħar 19-il xahar ġejjin u sejrin il-Qorti u qed jaffaċjaw ġabra ta’ provi akkumulati kontrihom mill-investigaturi kemm lokali kif ukoll barranin. Iżda l-limitu ta’ 20 xahar kemm persuna akkużata tista’ tinżamm taħt arrest preventiv aktar qed jasal viċin l-iskadenza tiegħu.
Il-kumpilazzjoni se tkompli tinstema’ f’Awwissu li ġej.
//= $special ?>