Id-draw ta’ 2-2 kontra Dudelange ġimgħa ilu fil-Lussemburgu jpoġġi lil Valletta b’ċans tajjeb li jikkwalifikaw għat-tieni rawnd tal-UEFA Champions League. Il-kowċ ta’ Valletta Darren Abdilla kien pront iwissi li għandhom vantaġġ biss fuq il-karta u r-riżultat tal-ewwel logħba ma jfisser xejn.
Hu saħaq li l-għan prinċipali tal-ewwel leg kien li jibqgħu b’ċans għat-tieni logħba. Minkejja riżultat li jista’ jitqies pożittiv, Darren Abdilla għamilha ċara li se joħorġu biex jirbħu l-logħba u kkonferma li se jerġa’ jibda b’żewġ attakkanti.
Neqsin mill-iskwadra Beltija se jkun hemm id-difensur Jonathan Caruana, Rowen Muscat li hu sospiż, Santiago Malano li weġġa’ fl-aħħar logħba u Bojan Kaljevic li qed jirkupra minn operazzjoni li għamel. Valletta ilhom jitħarrġu għal madwar xahar, bil-kowċ Belti jgħid għalkemm kien kuntent bid-debutt ta’ Kevin Tulimieri u Douglas Packer, fiżikament jinsabu ftit lura minħabba li ma bdewx it-taħriġ mill-bidu.
Id-difensur Belti Steve Borg li fil-logħba se jkun il-captain tat-tim qal li kemm ilu l-kowċ Darren Abdilla, qed jidher aktar il-kollettiv fit-tim u saħaq li se jgħaddi dak it-tim li jagħmel l-inqas żbalji.
Fl-istaġun li għadda, Valletta kisbu żewġ draws barra minn darhom iżda spiċċaw eliminati mir-rawds taċ-Champions League u Europa League wara li ma rebħux f’pajjiżna. Mistoqsi fuq dan il-fatt, Steve Borg qal li f’Malta jkollhom l-appoġġ tal-partitarji li tpoġġi ftit pressjoni iżda għandha tgħinhom ukoll u saħaq li kull logħba fiha storja u hu jemmen fit-tim.
Fl-istaġun li għadda, Dudelange kienu lagħbu fil-fażi tal-gruppi tal-UEFA Europa League kontra Milan, Olympiacos u Real Betis wara li kienu bdew proprju mill-ewwel rawnd tal-UEFA Champions League. Dudelange huma rebbieħa tal-aħħar erba’ kampjonati tal-Lussemburgu.
Huma għamlu tibdil kbir mill-istaġun li għadda tant li mil-logħba f’San Siro kontra Milan fil-gruppi tal-Europa League, kien hemm biss żewġ plejers li lagħbu l-ġimgħa l-oħra kontra Valletta. Darren Abdilla qal li minħabba t-tibdil li kellhom, ftit kien jaf fuq l-avversarji. Hu rahom f’xi partiti ta’ ħbiberija u sostna li għandhom tim b’saħħtu iżda jemmen li bit-tibdil li kellhom, it-tim għadu ma ngħaqadx.
Abdilla għamel ukoll referenza għaż-żgħażagħ li jinsabu fl-iskwadra tiegħu. Hu semma kif Nicholas Pulis u Shaun Dimech daħlu bħala sostituti meta Valletta kienu 2-0 minn taħt. “Min hu tajjeb jilgħab. Jien mhux se nagħlaq bibien, hemm żgħażagħ ta’ potenzjal u hemm soda għal quddiem. Ma rridx ninsa wkoll lil Jean Borg li stabilixxa ruħu fit-tim.”
Il-partita ta’ għada se tixxandar b’mod dirett fuq Net Television. Ix-xandira tibda għal ħabta tat-7.40pm, bil-logħba tibda fit-8.00pm fis-Centenary Stadium. Il-logħba se jkollha kummentarju ta’ Christian Micallef bil-kummenti tekniċi ta’ Konrad Sultana.
//= $special ?>