Futbol Sport

Irid ikollna strateġija biex inkunu nafu fejn qegħdin u fejn se mmorru – Bjorn Vassallo

“L-għażla Bjorn Vassallo għandha tkun minħabba l-fatt li għandi profil ta’ bniedem tal-futbol, illi matul is-snin wassalni biex nilħaq kariga importantissima fid-dinja tal-futbol mondjali u allura jien niġbor dak li bdejt minn 16-il sena fejn sal-lum wara ħafna snin irnexxieli nasal. Għalkemm it-tajjeb tal-avversarju tiegħi ma narmihx però nħoss li f’dan il-mument, nista’ nkun President aħjar biex nieħu l-assoċjazzjoni f’livelli ġodda.” Din hi r-raġuni għaliex Bjorn Vassallo jemmen li għandu jkun il-President tal-MFA l-ġdid fl-elezzjoni tal-20 ta’ Lulju.

Vassallo ddeċieda li joħroġ għall-kariga ta’ President tal-MFA għaliex jemmen li hu ta’ unur li wara li ħadem għal ħafna snin fil-livell domestiku u mess ukoll mal-livell internazzjonali, ikollu l-possibbiltà li jirritorna f’pajjiżu u jġib lura l-għarfien li jkun ġabar fis-snin u jgħin il-futbol biex jagħmel progress.

Bjorn Vassallo għażel li jagħmel il-pjan tiegħu fuq tmien snin. “Hu biżżejjed żmien biex aħna nbiddlu fejn nemmnu li għandna nbiddlu u naslu għal ċertu objettivi. Il-miri tiegħi huma verament realistiċi, viżjoni konċiża u konkreta ħafna u li nistgħu nimplimentawha. Importanti li nistabilixxu fejn qegħdin u li kulħadd ikun jaf fejn se mmorru għaliex ma nistgħux inkunu frammentati.”

L-attendenzi u l-fiduċja tal-pubbliku

Waħda mill-akbar pjagi li nqis jien huma l-attendenzi fil-futbol Malti. Staqstejt lil Bjorn Vassallo x’se jkun qed jagħmel b’mod konkret biex l-MFA jekk tkun taħt it-tmexxija tiegħu, tersaq aktar lejn il-partitarji. Hu wieġeb li hemm ħafna xi jsir mhux biss fil-livell ta’ logħob iżda wkoll fil-livell ta’ komunità.

“Jien ngħid li hemm sitwazzjonijiet illi rridu naħdmu fuqhom għaż-żminijiet tal-lum, aktar aħjar milli konna nagħmlu fil-passat. Il-futbol illum hu element sportiv flimkien ma’ dak kummerċjali. Trid tibda mid-dar tiegħek mill-Istadium Nazzjonali li mhux komdu, mhux multi-funzjonali, ma jtikx match-day experience u ma jressqekx lejh. Mela dak diġà kkommettejt ruħi li hemm pjan ta’ redevelopment ta’ stadium iżgħar ta’ 10,000 spettatur, ma għandniex għalfejn ikbar.”

Vassallo kompla li l-flejjes biex jinbena stadium ikbar, jintużaw biex jagħmel il-programm tiegħu fuq livelli oħra u “mhux noqgħod inħallas l-interessi.” Hu jemmen li dak il-qies tal-istadium hu biżżejjed għal pajjiżna għaliex in-numri mhumiex kbar.

Irridu ngħolluhom biex aħna nkunu nistgħu nagħtu aktar saħħa lill-prodott tagħna u naħseb li jekk nagħtu awtonomija lill-Kampjonat Premier speċjalment, twassal biex l-MFA tgħin biex tiġi stabbilità l-LEGA. Diġà tkellimt mal-European Leagues f’laqgħa li kelli u beħsiebni li nibda jien il-LEGA billi niffinanzja l-ewwel tliet snin, l-istrutturar tagħha imbagħad ngħaddi ftit ftit lill-klabbs id-drittijiet tal-mercandise, tat-televiżjoni, tar-reklamar u l-ippjanar tal-logħob.”

Il-proġett tal-istadium nazzjonali

Ħafna kandidati jagħmlu ħafna wegħdi qabel diversi elezzjonijiet li jispiċċaw biex ma jsirux. Vassallo kellu jwieġeb għal kif se jassigura li dan il-proġett verament iseħħ. “Jien naf x’introjti hemm u x’introjti ġejjin u naf x’fondi ġejjin mill-FIFA u mill-UEFA. Jien mhux wieħed li noqgħod inħabbar il-bank, dik hi sistema antika. Jien irrid noħloqhom l-investimenti kapitali u hemm ways and means illum kif nistgħu noħolquhom.”

Vassallo saħaq li hu realistiku ħafna u għalhekk għamel din it-tip ta’ viżjoni għaliex jaf kemm se jiswa mill-att infrastrutturali fi proġetti kapitali kif ukoll mill-att operattiv. “Ovvjament irridu naħdmu bis-saħħa mal-privat, illum jekk inti tagħti dawk l-inċentivi, jekk inti tpoġġi fuq il-mejda proġetti interessanti, hawn min hu lest jinvesti.”

Hu kompla li jinsab persważ li b’dak li qed jippreżenta, jikkommetti għalih għaliex jaf x’inhuma l-introjti tal-MFA, kemm se jiggarantixxi l-futur u kemm jista’ jġib fondi. “Mhux qed nagħmel kastelli fl-arja u qed inkun verament saqajja mal-art.”

L-aspett kummerċjali u l-akbar titjib li hemm bżonn

Minħabba diversi proġetti li għandu f’moħħu, il-Malta Football Association trid tikber fl-aspett kummerċjali. L-idea ta’ Bjorn Vassallo hi li jkun hemm struttura moderna li tħares ‘l quddiem b’żewġ deputati segretarji u diretturi li jsaħħu l-effiċjenza u l-produzzjoni. Se tinħoloq kumpanija żgħira li tiffoka fuq dan l-aspett biex ikunu trasparenti u kontabbli.

Il-livell tal-fondazzjoni Inħobb il-Futbol li tħares lejn l-iżvilupp tal-plejers żgħażagħ tkun immexxija minn bord u jekk jinħoloq it-tim Malti li jilgħab f’kampjonati professjonali barra l-pajjiż tkun trid tinħoloq kumpanija biex issostni l-investiment.

Bla dubju li fl-MFA hemm lok għal ħafna titjib u ristrutturar. Vassallo jaħseb li l-aktar settur li għandu bżonn titjib hu “l-investiment dirett fil-logħba tal-futbol, kif nagħmlu t-talent optimisation tagħna, kif it-tfal jaslu mil-livell ta’ akkademji u nurseries, għall-klabbs u n-nazzjonal.” Hu kompla li trid tingħata awtonomija importanza lil dak li hu l-prodott tal-MFA u jsir żvilupp f’termini ta’ negozju għaliex żied li jsiru ħafna affarijiet għal terminu qasir.

“Irridu nikklassifikaw il-klabbs tagħna għaliex ma jistax jaqa’ kulħadd fl-istess keffa f’termini ta’ liċenzjar u regolamentazzjoni. Irridu naqbdu l-barri minn qrunu u nkunu realistiċi u serji biżżejjed biex naffrontaw il-verità. President ġdid ma jistax jaħdem bil-mod li l-affarijiet idumu biex jitwettqu. Irrid niddawwar b’nies aħjar minni biex inkun nista’ niddelega u nasal nilħaq il-miri u l-objettivi.”

Xi tkun l-ewwel idea li titwettaq jekk ikun elett?

“Naħseb li l-ewwel ma trid tibda peress li kollox ikun f’postu għall-istaġun il-ġdid hu li tpoġġi u taħdem fuq l-istruttura. Nirrevedi dik li hi struttura tal-assoċjazzjoni biex kemm jista’ jkun fi żmien qasir niġu fi struttura li qed nippreżenta li tkun forward looking u flessibbli għaż-żminijiet tal-lum.”

“Li hu żgur li ħa nibda mill-ewwel li naħdmu fuq strateġija f’kull livell, fil-livell ta’ filosofija tat-tim nazzjonali, Ċentru Tekniku, futbol tan-nisa, futsal, beach soccer. Kullimkien irid ikollna strateġija biex inkunu nafu fejn qegħdin u fejn ħa mmorru. Ħafna drabi riformar ta’ dan it-tip jieħu sitt xhur, jiġifieri jien qed nimmira li fil-bidu tal-2020 inkun f’pożizzjoni li nkun nista’ nitlaq, bit-tim, bl-istruttura, bl-istrateġiji li għandhom iwassluna sal-2027.”

L-avversarju Chris Bonett

Ħafna qed jgħidu li hi ħasra li din l-elezzjoni se jkun hemm tellief bejn Chris Bonett u Bjorn Vassallo. Staqsejt jekk ikunx lest li joffri rwol lill-avversarji tiegħu jekk jirbaħ. Mingħajr tlaqliq qall li s-slogan tiegħu hu Forward Together u għalhekk żied li lest li jilqa’ b’idejh miftuħa lil kull min lest jagħti l-impenn tiegħu għall-futbol.

“Elezzjoni dejjem iġġib ftit firda u wara li tgħaddi l-importanti li jkun hemm l-unità. Kulħadd jingħaqad u mmorru għal għan wieħed Football Development. Għandna ħafna x’nagħmlu għandna ħafna x’naħdmu u ma jistax noqogħdu nitilfu l-ħin nisparaw fuq xulxin għax noħolqu sitwazzjoni ta’ US and THEM. Le, miegħi ma teżistix, naħseb għandi kredibilità biżżejjed kont diġà hemmhekk, esperjenzawni diġà u kapaċi noffriha.”

Mistoqsi biex isemmi l-aħjar proposta ta’ Bonett u li mhix inkluża fil-programm tiegħu, Vassallo semma l-idea li tinħoloq kompetizzjoni fil-livell tat-Tieni u t-Tielet Diviżjoni li għandha relazzjoni mal-FA Trophy.