Internazzjonali

Jaħtfu missila u armi waqt ir-rejds fuq l-estremisti fl-Italja

Il-pulizija għal kontra t-terroriżmu fit-Tramuntana tal-Italja ħatfu missila tat-tip air-to-air flimkien ma’ armi sofistikati oħra, waqt sensiela ta’ rejds speċifiċi fuq il-gruppi estremisti tal-lemin.

Ir-rapporti, wara, qalu li tliet persuni spiċċaw arrestati – b’żewġ arresti jsiru qrib l-ajruport ta’ Forli. Kien żvelat ukoll li l-pulizija li mexxew ir-rejds fid-diversi bliet ħadu wkoll f’idejhom materjal ta’ propaganda neo-Nażista.

L-istampa fl-Italja qalet li r-rejds kienu parti minn investigazzjoni dwar ‘l-għajnuna’ li l-estremisti Taljani tal-lemin qegħdin jagħtu lill-qawwiet separatisti ( li huma appoġġjati mir-Russja) fir-reġjuni tal-Lvant tal-Ukrajna.

Dawn ir-rejds, sadanittant, tmexxew minn qawwa speċjali tal-pulizija li jisimha Digos u li ngħatat appoġġ mill-pulizija fl-ibliet ta’ Milan, Varese, Forli u Novara.

Qed jingħad ukoll li l-missila inkwistjoni kienet manifatturata fil-Qatar u li l-arrestati jinkludu eks uffiċjal tad-dwana u ċittadin mill-Iżvizzera.

Mietu ‘il fuq minn 10,000 fil-ġlied mindu s-separatisti favur ir-Russja bdew ir-rewwixta fil-Lvant tal-Ukrajna, f’April tal-2014.

Għalkemm qed ikomplu l-konfronti bejn is-separatisti u l-qawwiet tal-Gvern Ukren, din iz-zona tal-gwerra ilha, fil-parti kbira, statika għal aktar minn sena.