Larkin Scicluna ta’ 28 sena minn Ħaż-Żebbuġ qed jinżamm arrestat wara li hedded lit-tfajla tiegħu fosthom li jisplodi lilha u lil bintha.
Huwa qed ikun mixli quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella li kkaġuna ħsara fil-karozza tagħha, li beżżaha li se tintuża vjolenza kontriha u kontra bintha, li insulentaha u heddidha, li kiser il-paċi pubblika u li saq bla liċenzja u polza tal-assikurazzjoni.
Huwa saħansitra injora l-kundizzjonijiet tal-libertà provizorja f’każ separat.
L-Ispettur Alfred Mangion, li qed imexxi l-prosekuzzjoni, sostna li l-inċident seħħ wara argument fuq it-telefown ċellulari tiegħu u minbarra li hedded lilha huwa qal lill-Pulizija li kien se jkissrilha snienha.
L-Avukat Kathleen Grima, li qed tidher għal Scicluna, ikkonfermat li l-argument kien fuq it-telefown ċellulari fejn sostniet li t-tfajla ħaditulu u ma riditx tirritornah.
Għalkemm hija talbet għall-ħelsien mill-arrest tiegħu, il-Maġistrat Vella ma laqax it-talba.
//= $special ?>