Wara diversi jiem ta’ spekulazzjoni, waslet il-konferma li Juventus laħqu ftehim ma’ Ajax biex jakkwistaw lid-difensur Matthijs de Ligt. L-Olandiż ta’ 19-il sena se jasal Turin it-Tlieta u se jagħmel l-eżami mediku l-Erbgħa, fi trasferiment ta’ €75 miljun li jinkludi l-bonus.
Iċ-champions Taljani diġà kienu laħqu ftehim personali mal-aġent tal-Olandiż, jiġifieri Mino Raiola, b’de Ligt se jiffirma kuntratt ta’ ħames snin b’salarju li jista’ jitla’ għal €12-il miljun. Hu se jkun it-tieni l-aktar plejer imħallas fil-klabb wara Cristiano Ronaldo.
De Ligt li hu l-iżgħar captain fl-istorja ta’ Ajax, kien strumentali biex Ajax rebħu l-Eredivisie u t-Tazza domestika kif ukoll waslu sas-semifinali tal-UEFA Champions League fejn kienu eliminati minn Tottenham b’gowl fl-aħħar sekondi.
B’hekk il-kowċ Maurizio Sarri għandu difiża li kompliet tissaħħaħ wara li fi tmiem l-istaġun li għadda rtira Andrea Barzagli u ħalla l-klabb Martin Caceres. Sa issa Juventus akkwistaw lil Aaron Ramsey u Adrien Rabiot, liż-żagħżugħ Luca Pellegrini kif ukoll irritorna Gianluigi Buffon.
//= $special ?>