Internazzjonali

Każ ieħor ‘sinifikanti’ tal-Ebola ….

L-awtoritajiet fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo ikkonfermaw l-ewwel każ tal-marda qattiela tal-Ebola fil-belt prinċipali ta’ Goma, li tinsab lejn il-lvant tal-pajjiż.

Is-sinifikat ta’ dan mhux mitluf, meta Goma – fejn qegħdin jgħixu maż-żewġ miljun residenti — isservi bħala hub tat-trasport importanti fost il-movimenti kontinwi ta’ nies u vetturi.

Intant, il-Ministeru tas-Saħħa żvela li membru ta’ komunità reliġjuża ttestja pożittiv għall-virus meta mar chal check-up fi klinika ta’ Goma. Dan wara li hu kien ivvjaġġa għal hemmhekk bix-xarabank, mill-inħawi ta’ Butembo.

L-awtoritajiet qalu wkoll li sabu lill-passiġġieri l-oħrajn kollha li kienu fuq ix-xarabank, bil-Ministeru tas-Saħħa jikkonferma li huma, flimkien max-xufier tax-xarabank, kellhom jingħataw it-tilqim fid-dawl tas-sitwazzjoni. Dan wara analiżi għall-possibbiltà li huma wkoll jistgħu qed iġorru traċċi tal-virus.

Il-ħaddiema tas-saħħa f’din iz-zona ilhom jinkwetaw li l-Ebola tista’ tfeġġ fl-inħawi ta’ Goma. Iżda l-Ministeru tas-Saħħa fir-Repubblika tal-Kongo qed jgħid li l-element tas-sogru li l-virus jinfirex madwar din il-belt hu ‘pjuttost minimu’.

L-istqarrija tal-Ministeru sostniet li l-pazjent marid bl-Ebola kien identifikat malajr u iżolat ‘mill-aktar fis’. Il-messaġġ kompla li l-proċess tal-identifikazzjoni tal-passiġġieri l-oħra fuq ix-xarabank ukoll kien konkluż fl-anqas żmien possibbli.

Mietu ‘il fuq minn 1,600 persuna b’konsegwenza tal-virus, mindu, sena ilu, feġġet l-epidemija tal-Ebola f’reġjun lejn il-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo.