L-eks President tal-Afrika t’Isfel, Jacob Zuma, informa bord tal-inkjesta mmexxija minn imħallef li l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni kontra tiegħu huma parti minn ‘kumplott’ ta’ persuni determinati li jwarrbuh darba għal dejjem mix-xena politika.
Zuma kien qed jidher għall-ewwel darba quddiem il-bord li qed jinvestiga allegazzjonijiet li hu, fi żmienu bħala President, kien strumentali f’network ta’ korruzzjoni li avvanza l-interessi kummerċjali ta’ ‘persuni qrib it-Tmexxija tal-Istat’.
Intant, Zuma (li kien sfurzat li jirriżenja minn President fl-2018) qed jinsisti li ‘l-aġenziji għall-affarijiet sigrieti barranin’ kienu responsabbli minn pjan biex hu jitneħħa mill-poter. L-eks President spjega li huwa vittma ta’ kalunji kbar u li n-nies li riedu jagħmlulu l-ħsara xerrdu x-xnigħat li huwa ‘ir-Re tal-Persuni Korrotti’.
Cyril Ramaphosa, il-President Afrikan attwali, wiegħed li jikkonfronta l-korruzzjoni fl-Afrika t’Isfel waqt li fisser id-disa’ snin ta’ Zuma fil-poter bħala ‘snin moħlija’.
L-allegazzjonijiet kontra Zuma huma bażati fuq ir-relazzjoni tiegħu ma’ familja akkużata b’li influwenzat il-ħatriet fil-Kabinett tal-Afrika t’Isfel. Il-familja, bl-isem Gupta, hi akkużata wkoll b’li użat il-korruzzjoni biex tikseb tenders mill-Istat. Dan waqt li Zuma qed jiffaċċja anki l-akkużi li aċċetta t-tixħim mingħand kumpanija tal-loġistika.
//= $special ?>