Is-Segretarju għall-Affarijiet Barranin tar-Renju Unit tenna li ‘għad hemm tieqa mbexxqa’ għall-Ewropa biex issalva l-ftehim nukleari li kien iffirmat mal-Iran, fl-2015.
Jeremy Hunt – li qed jikkuntesta għat-tmexxija tal-Partit Konservattiv fil-Gvern – qal dan qabel laqgħa, fi Brussell, mal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Istati Ewropej. Is-summit kien qed isir fi żmien ta’ tensjoni bejn ir-Renju Unit u l-Iran u fost tħassib ġenerali wara li l-Iran irtira minn xi impenji nukleari li kien daħal għalihom.
Il-ftehim storiku tal-2015 – li jesiġi biex l-Iran jillimita l-attivitjiet nukleari bi skambju ma’ tnaqqis fis-sanzjonijiet imposti fuqu – jinsab taħt pressjoni, xhur wara li l-Istati Uniti kienet irtirat minn dan il-patt.
Fl-aħħar jiem żdiedet it-tensjoni bejn l-Iran u r-Renju Unit wara li morini Britanniċi, aktar kmieni fix-xahar, ħatfu tanker taż-żejt tal-Iranjani. L-Iran, wara, hedded li jieħu azzjoni simili fir-rigward ta’ tanker Britanniku iżda Jeremy Hunt, fi tmiem il-ġimgħa, qal li t-tanker maħtuf ( il-Grace 1) jista’ jinħeles f’każ li r-Renju Unit jikkonvinċi ruħu li l-kunsinna taż-żejt li qed iġorr ma kienx destinat għas-Sirja.
Hunt, issa , saħaq li l-ftehim nukleari mal-Iran ‘għalissa mhux mejjet’, iżda wissa li ‘sitwazzjoni fejn l-Iran ikollu l-armi nukleari kapaċi ssir ferm perikoluża u tossika’.
Il-Ministru Britanniku qal li l-Iran għadu, talanqas, sena ‘il bogħod milli jiżviluppa arma nukleari u li, fil-preżent, għad hemm ‘tieqa ta’ opportunità żgħira, u li qed tingħalaq’ biex il-potenzi jippreservaw il-ftehim tal-2015 mal-Istat Iżlamiku.
Ir-Renju Unit qed jaħseb biex jaħdem flimkien ma’ Franza u l-Ġermanja – bħala ko-firmatarji Ewropej tal-ftehim – biex isibu mezz ħalli jsalvaw il-patt kruċjali. Qabel il-laqgħa fi Brussell, dawn it-tliet pajjiżi ħarġu stqarrija konġunta fejn irrepetew l-appoġġ għall-ftehim storiku tal-2015 mal-Iran.
//= $special ?>