Lokali

Mara tweġġa’ gravi wara li nqelbet bil-karozza

Arkivji

Mara ta’ 27 sena minn Ħal Luqa weġġgħet gravi wara li nqalbet bil-karozza. L-inċident seħħ matul il-lejl li għadda, għall-ħabta tas-siegħa u għaxra fi Triq l-Imdina, Ħaż-Żebbuġ.

Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post fejn kif waslu sabu vettura tat-tip Maruti 800 li kienet meqluba fuq il-ġenb u fiha kien hemm persuna maqbuda. Minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li l-mara għal xi raġuni tilfet il-kontroll tal-vettura u nqelbet.

Fuq il-post issejħu l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li assistew sabiex il-mara setgħet tinħareġ mill-vettura. Il-vittma ttieħdet l-Isptar Mater Dei għall-kura permezz ta’ ambulanza u iktar tard hija ġiet iċċertifikata li qiegħda ssofri minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja.