Il-Pulizija għadha qed tfittex lil uħud minn grupp ta’ 20 immigrant li ħarbu miċ-Ċentru ta’ Detenzjoni f’Ħal Safi.
Minn dawn, l-immigranti huma kollha Marokkini ħlief wieħed, li hu Eġizzjan.
Ħafjin u wħud minnhom saħansitra anke bla flokkijiet, huma dehru jiġru f’diversi nħawi fil-madwar, inkluż fiż-Żurrieq.
Jidher li l-ħarba saret ftit wara l-għaxra tat-Tnejn filgħud u iktar minn nofshom kienu għadhom maħruba sal-erbgħa ta’ wara nofsinhar. Filfatt, stqarrija mis-Servizzi tad-Detenzjoni fl-erbgħa ta’ wara nofsinhar iddikjarat li kienu nstabu biss 9.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin filwaqt li għaddejja wkoll investigazzjoni interna fiċ-Ċentru ta’ Dentenzjoni ta’ Ħal Safi.
Dan mhux l-ewwel każ ta’ ħarba minn Ċentru ta’ Detenzjoni jew waqt li l-immigranti kienu taħt skorta. Tant hu hekk li f’inqas minn xahar kien hemm tliet ħarbiet u dawk kollha maħruba kienu Marokkini.
L-iktar każ riċenti kien dak tal-5 ta’ Lulju meta żewġ Marokkini oħra, li kienu skortati minn membri tas-Servizz tad-Detenzjoni, ħarbu meta ttieħdu biex isarrfu xi flus f’Birżebbuġa.
Tuahli Abdullah ta’ 37 sena u Wafi Josef ta’ 31 sena, ħarbu mmanettjati u s’issa l-awtoritajiet ma qalux li nstabu. Ġimgħa biss qabel, fl-Imnarja, tliet Marokkini oħra rnexxielhom jaħarbu miċ-Ċentru ta’ Detenzjoni ta’ Ħal Safi meta nħarġu għall-ikel.
//= $special ?>