Futbol Sport

Valletta v F91 Dudelange diretta fuq Net Television għada

Il-partita tat-Tlieta mit-tieni leg tal-ewwel rawnd tal-UEFA Champions League bejn Valletta u F91 Dudelange se tixxandar b’mod dirett fuq Net Television. Ix-xandira tibda għal ħabta tat-7.40pm, bil-logħba tibda fit-8.00pm fis-Centenary Stadium. Il-logħba se jkollha kummentarju ta’ Christian Micallef bil-kummenti tekniċi ta’ Konrad Sultana.

Valletta jinsabu b’ċans li jgħaddu għat-tieni rawnd tal-UEFA Champions League għall-ħames darba fl-istorja tagħhom wara draw ta’ 2-2 fil-Lussemburgu l-ġimgħa l-oħra. Il-Beltin kienu jinsabu 2-0 minn taħt sakemm gowls minn Douglas Packer fl-64 minuta u Jean Borg sitt minuti wara ġabu d-draw, riżultat li jpoġġihom b’ċans tajjeb li jikkwalifikaw.

Fl-istaġun li għadda, Dudelange kienu lagħbu fil-fażi tal-gruppi tal-UEFA Europa League kontra Milan, Olympiacos u Real Betis wara li kienu bdew proprju mill-ewwel rawnd tal-UEFA Champions League. Dudelange huma rebbieħa tal-aħħar erba’ kampjonati tal-Lussemburgu.