Futbol Sport

Delph jingħaqad ma’ Everton

(Ritratt; Everton FC)

Everton saħħew nofs il-grawnd tagħhom bl-akkwist ta’ Fabian Delph mingħand Manchester City għas-somma ta’ €10 miljuni. Il-midfielder ta’ 29 sena ffirma kuntratt ta’ tliet snin. Everton li fl-istaġun li għadda spiċċaw fit-tmien post fil-Premier League, akkwistaw ukoll b’mod permanenti lill-midfielder Portugiż Andre Gomes.

Delph lagħab ma’ Manchester City għal erba’ staġuni u kien parti mit-tim li rebaħ il-Premier League darbtejn konsekuttivi minbarra r-rebħ tal-League Cup darbtejn, l-FA Cup u l-Community Shield iżda ried jibdel il-klabb biex jilgħab aktar regolari. L-ispazju ta’ Delph taħt Pep Guardiola kompla jonqos hekk kif Manchester City akkwistaw lil Rodri mingħand Atletico Madrid għal €70 miljun.

Fl-ewwel kummenti tiegħu, Delph semma l-passjoni tal-partitarji tagħhom u jittama li jiġbdu ħabel wieħed biex joħolqu xi ħaġa speċjali flimkien. Delph qal li l-għan prinċipali hu li jirbaħ xi ħaġa ma’ Everton.

Il-manager ta’ Everton Marco Silva żied li Delph jista’ jagħti soluzzjonijiet differenti f’nofs il-grawnd għaliex jista’ jilgħab aktar minn pożizzjoni waħda u kompla li dan il-fatt hu importanti għalih. Delph diġà ngħaqad mal-iskwadra fil-kamp ta’ taħriġ fl-Iżvizzera.