Sport Waterpolo

Exiles jittamaw li jiksbu l-ewwel rebħa

(Ritratt: Martin Agius)

Exiles Elia Caterers se jkunu qed ifittxu l-ewwel rebħa fil-Kampjonat Premier b’konfront li potenzjalment se jkun delikat kontra Marsaxlokk Brown’s Pharmacy. Exiles għandhom punt fil-klassifika iżda dak il-punt fil-klassifika nkiseb kontra San Ġiljan li ironikament hu l-uniku punt li waqqgħu minn erba’ logħbiet. Dan ifisser li Exiles għandhom kwalità li joffru sfida lil min hu aktar kwotat tiegħu.

Iżda f’dan il-konfront se jibdew favoriti minħabba li Marsaxlokk ma għandhomx pressjoni. Ix-Xlukkajri laħqu t-tragward li jilagħbu fil-Kampjonat Premier u għalhekk dak li jinkiseb sa tmiem l-istaġun hu kollu żejjed. Iż-żewġ kowċis se jibbażaw fuq is-saħħa tal-barranin tagħhom, b’Joe Cremona jittama li Ivan Nagaev jerġa’ jibda jispikka wara li fl-aħħar żewġ logħbiet kontra San Ġiljan u Sliema kien pjuttost kwiet.

Mill-Ewwel Diviżjoni, Marsaskala Fish and Fish se jippruvaw jirritornaw għar-rebħ wara d-draw kontra Otters Nivea fl-aħħar konfront. Il-logħba kontra Ta’ Xbiex tista’ tkun simili minħabba li f’din il-logħba se jkunu qed jibdew favoriti wkoll.

Kampjonat Premier

Logħob li jmiss

Illum: Exiles v Marsaxlokk 7.30pm

Għada: Neptunes v Sliema 6.45pm, Sirens v San Ġiljan 8.00pm

L-Ewwel Diviżjoni

Logħob li jmiss

Illum:Ta’ Xbiex v Marsaskala 6.15pm

Għada: Birżebbuġa v Otters 5.30pm