Festi Knisja Kultura Lokali

Iċċelebrata s-Solennità ta’ Sidtna Marija tal-Karmelu

Devoti tal-labtu tal-Karmelu joħonqu l-Bażilika tal-Karmnu fil-Kapitali

Mijiet ta’ devoti tal-labtu tal-Karmelu u terzjarji Karmelitani ħonqu l-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta f’jum is-solennità tal-Festa, is-16 ta’ Lulju, għall-quddiesa solenni tal-Festa.

Il-quddiesa, li għaliha attendew il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura tieghu, deputati Parlamentari tad-Distrett u kunsilliera lokali, kienet iċċelebrata mill-Provinċjal Patri Joseph Saliba O.Carm flimkien mal-Patrijiet Karmelitani f’Malta u għadd ta’ saċerdoti filwaqt li Mons. Joseph Farrugia niseġ il-paniġierku.

Ritratt: Martin Agius

L-Arċipriet Emeritu tal-Kolleġġjata Ġorġjana f’Għawdex qal li fid-dinja tal-lum li tixtri lin-nies b’sodisfazzjonijiet qarrieqa ta’ din l-art biss, mill-għoljiet tal-Karmelu Marija ssaqqi l-art b’xita ta’ grazzji, għatxana fi żmien ta’ nixfa.

Xhieda ta’ din id-devozzjoni b’saħħitha lejn Tal-Karmnu huma n-numru kbir ta’ persuni li minn kull rokna tal-gżejjer jerħulha lejn dan is-Santwarju-Bażlika matul is-sena għall-wens u l-faraġ tal-Madonna fi żminijiet ta’ diffikultà tal-ħajja.

Ritratt: Martin Agius

Intant, il-Festa ssuktat it-Tlieta filgħaxija b’quddiesa solenni mill-Arċisqof Charles Scicluna fuq l-artal pprivileġġat biex imbagħad ħarget il-purċissjoni bil-vara artistika u devota tal-Madonna tal-Karmnu, xogħol Naplitan fl-injam tal-1781.

Ritratt: Martin Agius

Din il-Bażilika hija wkoll Santwarju Marjan għaliex fiha hemm l-inkwadru titulari antik tal-Madonna tal-Karmnu li ġiet inkurunata b’digriet tal-Vatikan fl-1881. Matul dan ix-xahar bosta huma l-irħula madwar Malta li jiċċelebraw il-Festa l-Madonna tal-Karmnu tul il-Ħdud kollha ta’ Lulju, fosthom dawk ta’ Fleur-de-Lys, il-Fgura, il-Gżira, l-Imdina, Birkirkara, iż-Żurrieq u l-Balluta f’San Ġiljan. L-Għawdxin imbagħad jiċċelebraw din id-devozzjoni Karmelitana f’festa fix-Xlendi fit-tielet Ħadd ta’ Awwissu.

Ritratt: Martin Agius