Festi Knisja Kultura Lokali

Il-Vara Titulari ta’ Santa Venera għada lura fl-ewwel tempju tagħha

Avveniment li jfakkar iċ-Ċentinarju tal-Vara

Fl-okkażjoni tal-mitt sena mill-miġja tal-Vara Titulari ta’ Santa Venera fir-raħal li jġib isimha, l-Erbgħa fis-7 ta’ filgħaxija joħroġ pellegrinaġġ devozzjonali mill-Knisja Parrokkjali li jwassal il-Vara sal-Knisja l-Qadima.

Ir-rotta li ħa jieħu l-Pellegrinaġġ se tkun simili għal dik li hi maħsuba li ttieħdet mitt sena ilu. Il-Vara se tinżamm fil-Knisja l-Qadima sat-Tnejn 22 ta’ Lulju minn fejn terġa’ tinħareġ proċessjonalment bis-sehem tas-Soċjetà Filarmonika Santa Venera lejn il-Knisja Parrokkjali. Dan se jagħti laqta’ storika lil din l-attivita’ hekk kif il-Vara se tinżamm fil-post li fih ittieħdet mitt sena ilu u li minnu nxerdet id-devozzjoni lejha.

Il-Vara ta’ Santa Venera inħadmet minn idejn l-artist Qormi, Karmenu Mallia, magħruf bħala ‘l-Lhudi’. Benefattur ewlieni kien Tumas Dalli li jingħad li ħallas  għal din l-opra ta’ arti wara l-wegħda li għamel lil Santa Venera li la darba jfieq mill-malarja li kienet ħakmitu, jikkummissjoni vara. Din tlestiet f’ħin tajjeb sabiex setgħet tintuża għall-ewwel festa li kienet ħa tiġi ċċelebrata mill-Parroċċa wara t-twaqqif tagħha fl-4 ta’ Settembru 1918.