Lokali Sport Sport Ieħor

Ixxukjati bil-possibbiltà li se jibdew tiġrijiet tal-klieb fil-Marsa

Il-MSPCA qed tqajjem dubji dwar il-progett tat-trakka tal-Marsa – It-tlielaq tal-klieb huma inaċċettabli.

Fi stqarrija b’referenza għall-aħbar riċenti dwar it-trasferiment tal-art lill-Konsorzju tal-Marsa Race Track, l-MSPCA qed tesprimi n-nuqqas ta’ qbil totali tagħha mal-proposta li tintuża t-trakka aġġornata għat-tlielaq tal-klieb ukoll.

Filwaqt li l-kundizzjonijiet tat-trakka tat-tiġrijiet għadhom bżonn jitjiebu b’mod urġenti biex jipprevenu korrimenti liż-żwiemel, il-proposta estendiet l-ambitu tagħha ferm lil hinn minn hekk mingħajr ebda kunsiderazzjoni għall-problemi ġodda li tintroduċi.

L-MSPCA enfasizzat li għandha titwaqqaf awtorità ta’ sorveljanza ta’ sport li jtellaq annimali kontra xulxin għall-flus tal-premju u l-logħob tal-azzard, li għandu jkollha wkoll rappreżentanza minn NGOs tal-benesseri tal-annimali u veterinarji, li huma unikament adattati biex jiżguraw l-profitt u regħba ma jirkbux il-benesseri tal-annimali.

L-istqarrija kompliet titkellem dwar ir-riskji ta’ dan l-isport fil-konfront tal-annimali – Il-klieb isofru fl-industrija tat-tlielaq… Minn korrimenti koroh u mwiet fuq it-trakka, abbandun ta’ klieb irtirati jew mhux kompetittivi, kif ukoll iżolazzjoni u kundizzjonijiet spjaċevoli fil-kennels, it-tiġrijiet tal-klieb ilhom jitilfu l-popolarità kemm man-nies kif ukoll mal-mexxejja dinjija minħabba tal-moħqrija fuq l-annimali li jinvolvu.

Il-klieb għandhom jiġu rikonoxxuti bħala annimal għall-kumpanija, m’għandhomx isiru oġġett għall-dilettanti tal-imħatri.

Ninsabu ixxukkjati li l-Gvern Malti qed jafferma b’mod sfaċċat it-tendenzi rigressjonisti tiegħu billi jintroduċa sport krudili ġdid f’Malta. Il-MSPCA tixtieq tifhem kif il-Gvern qed jantiċipa li jlaħħaq ma’ dawn il-problemi ġodda, meta d-dipartiment tiegħu għall-benesseri ta’ l-annimali huma diġà nieqsa minn fondi, personel, u taħriġ xieraq. Dan filwaq li l-pulizija għad trid tagħlaq ċ-ċrieki tal-ġlied tal-klieb, kompliet tgħid l-istqarrija.

Christian Pace, MSPCA Behavior & Outreach Manager, qal “Hawn biżżejed problemi ta’ benesseri tal-annimali li għandhom jiġu indirizzati f’Malta… L-aħħar ħaġa li hemm bżonn Malta hija sport ġdid tal-klieb li huwa magħruf minħabba r-rati għoljin ta’ korrimenti, mwiet u abbandun.”

L-MSPCA hi totalment kontra dan il-proġett, li juża art pubblika biex jintroduċi problemi ġodda għall-benesseri tal-annimali f’Malta, meta l-MSPCA ilha bosta snin tpatti ghall-apatija tal-Gvern billi taħdem biex tnaqqas il-problemi f’għeruqhom u tfittex art biex tiżviluppa santwarju ġdid, bi gvernijiet li naqsu minn kelmthom li jgħinu.

Dan l-isport mhux xi ħaġa ġdida għal Malta hekk kif dan kien popolari fi tmiem is-snin 40 sal bidu tas-snin 50 fuq trakka taħt id-dawl fil-Gzira Stadium.