Il-Prosekuzzjoni fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia akkużat lill-aħwa Alfred u George Degiorgio, kif ukoll lil Vince Muscat formalment bil-qtil tagħha.
L-Att ta’ Akkuża jinħareġ mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li permezz tiegħu jingħata bidu għall-proċess biex l-imputati – issa akkużati – jgħaddu ġuri quddiem il-Qorti Kriminali.
Alfred Degiorgio magħruf bħala ‘il-Fulu’, George Degiorgio magħruf bħala ‘iċ-Ċiniż’ u Vince Muscat magħruf bħala ‘il-Koħħu’ kienu arrestati fit-2 ta’ Diċembru 2017 fuq suspett li poġġew bomba fil-karozza ta’ Daphne Caruana Galizia u li splodiet nhar is-16 ta’ Ottubru 2017.
F’dawn l-aħħar xhur kienet għaddejja l-kumpilazzjoni quddiem il-Qorti tal-Maġistrati. Skont il-liġi, il-Prosekuzzjoni għandha 20 xahar ċans sabiex tippreżenta l-Att ta’ Akkuża. Jekk dan ma jsirx, l-imputat ikollu d-dritt li jitlob il-ħelsien mill-arrest.
//= $special ?>