Għawdex Kultura Kunsilli Lokali Lokali

Kontroversja dwar għerien u xelter tal-Gwerra fix-Xagħra

Bosta residenti Xagħrin huma nkwetati dwar żvilupp propost fis-sit ta’ għerien u xelter tal-gwerra fi Triq Bullara, ix-Xagħra Għawdex, biswit il-monument tas-Sette Giugno.

F’komunika li ntbagħat lill-Prim Ministru Joseph Muscat, huma saħqu li dan is-sit se jinqered darba għal dejjem bl-iżvilupp propost li jgħatti dan is-sit. Huma qalu li bħalissa beda t-tindif tal-art, minkejja li l-permess finali għadu ma nħariġx.

Jidher li dawn ir-residenti la sabu soljev fil-Kunsill Laburista tax-Xagħra u lanqas mill-Ministeri konċernati biex jgħinu fil-kawża tax-Xagħrin.

Intant fir-reazzjoni tagħha, is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali rreferiet għat-tindif tal-art imsemmi u kkjarifikat li l-proċess sar bħala evalwazzjoni arkeoloġika tagħhom biex issir analiżi tal-permess u jaċċertaw jekk kienx hemm fdalijiet arkeoloġiċi jew ta’ valur kulturali. Huma assiguraw li l-għerien u xelter ta’ żmien it-Tieni Gwerra Dinjija se jinżammu skont il-pjanti approvati u l-kundizzjonijiet tal-permess.