L-Uffiċjal inkarigata mill-politika barranija tal-Unjoni Ewropea qalet li ‘mhumiex sinifikanti’ l-aħħar abbużi tal-Iran għall-ftehim nukleari storiku tal-2015. Federica Mogherini, fl-istess ħin, qalet li ‘għadu ħaj’ il-ftehim li l-Iranjani ffirmaw flimkien mal-potenzi tad-dinja u li s-sitwazzjoni attwali ‘kapaċi tkun irranġata peress li għadha, teknikament, riversibbli’.
Mogherini, sadanittant, qed tħeġġeġ biex l-Iran ‘idawwar lura l-passi tal-aħħar jiem’ u mill-ġdid jibda jirrispetta bis-sħiħ l-impenji tiegħu dwar in-nukleari skont il-patt.
L-Iran, s’issa, kiser ir-restrizzjonijiet għall-produzzjoni tal-uranju raffinat li jintuża għall-ġenerazzjoni ta’ fuel għar-reatturi u li anki kapaċi jkun inkorporat fl-armi nukleari.
Min-naħa tagħhom, l-Iranjani qed jgħidu li huma marru lura mill-impenji tal-ftehim minħabba ‘ir-reintroduzzjoni u l-issikkar’ tas-sanzjonijiet fuq l-Iran min-naħa tal-Istati Uniti. It-tensjoni mal-Istati Uniti kompliet tirranka mindu Washington, is-sena l-oħra, irtira mill-patt tal-2015 fost l-insistenza li l-ftehim ‘kien imxaqleb wisq favur l-Iranjani’.
Sadanittant, ir-Renju Unit ukoll jinsab f’sitwazzjoni taħraq mal-Iran wara li l-morini Britanniċi, jiem ilu, ħatfu tanker Iranjan fuq suspett li dan kien qed jikser is-sanzjonijiet biex iwassal iż-żejt lejn is-Sirja. Ir-reġim Iżlamiku f’Tehran qiegħed jiċħad dwar dan.
Il-ftehim nukleari tal-2015 jesiġi biex l-Iran jillimita l-attivitajiet nukleari tiegħu waqt li l-potenzi jnaqqsu s-sanzjonijiet ekonomiċi li qegħdin jaffettwaw ħażin ħafna l-ekonomija ta’ Tehran.
Federica Mogherini qalet, wara laqgħa għall-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE, li ħadd fost il-firmatarji għall-ftehim ma kunsidraw l-abbuż min-naħa tal-Iran bħala xi ħaġa li ma tistax tkun solvuta. Għaldaqstant, il-pajjiżi firmatarji mhumiex se jattivaw ‘il-klawsola għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi’ li kapaċi twassal għal aktar sanzjonijiet kontra l-Iran.
//= $special ?>