Internazzjonali

L-Indja: Mejtin u mirduma fit-tiġrif ta’ bini antika f’Mumbai

Talanqas żewġ persuni mietu, b’għexieren oħra jintradmu taħt it-terrapien, wara li ġġarraf bini antik – għoli erba’ sulari – fil-belt ta’ Mumbai.

Ħadd ma jaf ir-raġuni għall-kroll tal-bini fiz-zona ta’ Dongri, lejn in-naħa t’isfel tal-belt. Dan meta l-ħidma ta’ emerġenza fl-inħawi qed tieħu fit-tul fost l-isforzi ddisprati biex jinstabu l-persuni rappurtati nieqsa f’din it-traġedja.

Ir-rapporti qalu li l-bini kien ilu wieqaf għal madwar 100 sena, bl-osservaturi ma jeskludux li l-għargħar riċenti waqt l-istaġun tal-monsoon seta’ kien fattur importanti fit-tiġrif.

Hu kkalkulat li diżastri ta’ dan it-tip jissarrfu fil-mewt ta’ xi 2,000 persuna fis-sena fl-Indja. Dan meta l-livelli fqar ta’ kostruzzjoni u l-bini li jitħallew fi stat imwiegħer, fil-parti kbira, ikunu l-kaġun tat-tiġrif.

L-iskwadri tas-salvataġġ mid-dipartiment għall-kontroll tan-nirien u mir-response force nazzjonali (għal każi ta’ diżastri) bħalissa qegħdin ifittxu għan-nies li ntradmu taħt it-tifrik tal-bini.

Għal ħafna ħinijiet, in-nies li nġabru fiz-zona tat-traġedja ffurmaw ‘katina umana’ fost l-impenji biex jitneħħew il-munzelli kbar tat-terrapien — u fejn f’ħafna drabi in-nies kienu kostretti li jħaffru b’idejhom qalb it-tifrik.

L-aħħar rapporti, sadanittant, qalu li talanqas ħames persuni – inkluż tfajjel – kienu salvati mis-sit tat-traġedja.

In-nies li rrakkuntaw l-effetti tal-kroll qalu li kienu semgħu ħoss kbir ‘bħal terremot’ u għajjat li ‘il-bini kien qed iċedi’ , fost il-paniku u l-konfużjoni fl-inħawi. Dan waqt li bdew jaslu fuq il-post numru kbir ta’ trakkijiet mgħammrin għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza flimkien ma’ ambulanzi.