L-ammont tal-imwiet relatati mal-abbuż tad-droga fl-Iskozja, is-sena l-oħra, telgħu għal 1,187, skont l-istatistika uffiċjali.
Iċ-ċifra hi 27 fil-mija ogħla minn tas-sena preċedenti minbarra li anki l-ogħla waħda mindu bdew jinżammu r-rekords fl-1996.
Intant, in-numru tal-imwiet konnessi mad-droga fl-Iskozja aktar milli rdoppja mill-2008 – f’liema sena kienu reġistrati mal-574 mewta.
Dan ifissser li r-rata tal-mewt dovut għad-droga f’dan il-pajjiż, issa, hi tliet darbiet akbar minn tar-Renju Unit fuq bażi kollettiva – minbarra li wkoll ogħla minn kull ċifra simili rappurtata għal kwalunkwe pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea.
Hi wkoll sinifikanti l-aħħar statistika kkonfermata li l-Iskozja għandha ‘drug death rate’ ogħla anki minn dak irrappurtat għall-Istati Uniti. Dan meta kien maħsub li l-Istati Uniti, qabel, kellha l-ogħla rata ta’ imwiet konnessi mad-droga fid-dinja.
Fl-2017, fl-Istati Uniti, kien hemm ‘il fuq minn 70,000 mewta dovuta għad-droga – iżda r-rata ta’ 217 għal kull miljun membru tal-popolazzjoni, issa, hi anqas mir-rata (218) tal-Iskozja.
Qed jingħad li hemm madwar 60,000 ivvizzjat bid-droga ( li l-awtoritajiet jirreferu għalihom bħala problem drug users) fl-Iskozja li għandha popolazzjoni ta’ 5.4 miljuni. Dan fost indikazzjonijiet li l-problema ‘qed tinfirex sew’ madwar il-pajjiż kollu.
//= $special ?>