VALLETTA………………….. 1 DUDELANGE………………. 1
Valletta: H. Bonello, E. Pena Beltre, R. Camilleri, S. Borg (J. Cruz Gill 93’), J. Borg, J. Zerafa, N. Pulis, D. Packer, K. Tulimieri (A. Monticelli 77’), M. Fontanella, K. Nwoko (S. Dimech 69’)
Dudelange: T. Kips, M. Garos, T. Schnell, R. Delgado, M. Bouchouari, M. Pokar, S. Bougrine (O. Natami 86’), D. Stolz, M. Kirch, D. Sinami, C. Lavie (B. Cabral Barbosa 76’)
Imwissija: S. Borg 28’, N. Pulis 50’, M. Fontanella 74’, E. Pena Beltre 85’, A. Monticelli 87’, H. Bonello 89’, J. Zerafa 100’ (V), D. Sinani 28’, T. Schnell 52’, O. Natami 100’, B. Cabral Barbosa 100’ (D)
Skorjaw: M. Fontanella 35’ (V), M. Pokar 59’ (D)
Referee: Juri Frischer (Estonja)
Assistenti Referees: Neeme Neemlaid, Veiko Motsnik (Estonja)
Valletta sofrew għal ħafna ħinijiet fit-tieni taqsima iżda wara aktar minn 100 minuta rnexxielhom jeliminaw liċ-champions tal-Lussemburgu Dudelange wara draw ta’ 1-1 li wassal biex il-Beltin għaddew b’aggregate ta’ 3-3 wara ż-żewġ gowls barra minn darhom ġimgħa ilu.
Din hi l-ħames darba fl-istorja tagħhom li Valletta qabżu l-ewwel rawnd tal-UEFA Champions League U b’’din il-kwalifikazzjoni, Valletta jistennew ir-rebbieħ bejn Ludogorets u Ferencvaros iżda f’każ ta’ eliminazzjoni fit-tieni rawnd, huma tal-anqas assigurati minn post fit-tielet rawnd tal-UEFA Europa League.
Il-kowċ Belti Darren Abdilla kellu jagħmel żewġ bidliet sfurzati mill-ewwel konfront minħabba li Santiago Malano weġġa’ u Rowen Muscat tkeċċa. Beda mill-bidu Nicholas Pulis u Ryan Camilleri li bħal kumplament tat-tim taw kollox.
Dan hu żgur ta’ diżappunt għal Dudelange li l-istaġun li għadda lagħbu fil-gruppi tal-UEFA Europa League. Id-diżappunt tagħhom hu espress f’diversi sitwazzjonijiet tul il-logħba fejn dehru nervużi minħabba li bdew jaraw l-eliminazzjoni toqrob.
Dudelange bdew jimpostaw il-logħba mill-bidu, b’Valletta bdew jgħaġġlu meta jkollhom il-pussess tal-ballun. L-ewwel periklu li ħolqu ċ-champions tal-Lussemburgu wasal wara 11-il minuta bi kross mix-xellug fil-kaxxa, bid-difensur Ricardo Delgado jogħla tajjeb iżda d-daqqa ta’ ras insidjuża tiegħu tgħaddi ftit barra.
Valletta appellaw għal penalty wara kwarta meta Nicholas Pulis pinġa ballun perfett vertikalment lejn Mario Fontanella li deher jiġi ostakolat fil-kaxxa minn Delgado u Tom Schnell iżda r-referee Juri Frischer ħalla l-logħob għaddej fost il-protesti Beltin.
It-tim ta’ Darren Abdilla beda joqgħod aktar fil-logħba u bdew iħallu lill-avversarji distakkati mil-lasta, tant li kien biss fl-24 minuta li kienu perikolużi b’xutt fil-baxx ta’ Sabir Bougrine li kien imxellef fil-ħin minn Ryan Camilleri.
Valletta skorjaw gowl importanti sa dak il-ħin fil-35 minuta. Kien xutt fil-baxx mill-kaxxa bix-xellug ta’ Kyrian Nwoko li kien imxellef, Kips mess il-ballun parzjalment li ħabat mal-wieqfa, b’MARIO FONTANELLA jkun pront biex xeħet fix-xibka mill-viċin.
Dan il-gowl donnu ħasad lil Dudelange u saħansitra għal ftit ma sofrewx it-tieni gowl sitt minuti wara meta Kevin Tulimieri b’intelliġenza għadda ballun minn qalb id-difiża avversarja lejn Fontanella li iżda fis-sitwazzjoni seta’ xxuttja aħjar u t-tentattiv tiegħu kien blokkat tajjeb minn Kips.
Kif mistenni, Dudelange ħarġu jfittxu l-gowl fit-tieni taqsima u poġġew ftit pressjoni fuq Valletta. Minkejja dan, fl-ewwel ftit minuti Henry Bonello ma kienx impenjat, b’Valletta setgħu jisfruttaw wieħed mill-kontrattakki tagħhom fil-55 minuta meta Enmy Pena Beltre avvanza u ra spazju żgħir fejn prova b’xutt li iżda ma ndirizzax il-lasta.
Dudelange ġabu d-draw fid-59 minuta meta minn korner mix-xellug, Henry Bonello blokka ċentralment, b’Mario Pokar jidħol bħal vleġġa u b’xutt fil-baxx għar-rokna għeleb lill-gowlkiper Belti. Valletta naqsu li jżommu l-pussess u Dudelange baqgħu ġejjin b’attakk wieħed wara l-ieħor. Fis-66 minuta, Bonello kien providenzjali meta dawwar f’korner xutt b’saħħtu u perikoluż ta’ Mehdi Kirch.
Dudelange komplew jagħfsu u fl-74 minuta reġa’ kien Bonello li b’mod mirakoluż salva xutt mill-viċin ta’ Sabir Bougrine. Erba’ minuti wara t-tim ta’ Emilio Ferrera Patricio reġa’ resaq viċin b’xutt tal-captain Tom Schnell minn pożizzjoni ċentrali barra l-kaxxa li ta l-illużjoni tal-gowl iżda x-xutt spiċċa barra.
L-għajja bdiet tagħmel tagħha u Dudelange baqgħu jattakkaw u b’aktar plejers qrib il-kaxxa Beltija. Valletta ħadu nifs qawwi ftit sekondi qabel id-90 minuta meta Dominik Stolz irċieva ballun vertikali fil-kaxxa, ikkontrolla u b’xutt fil-baxx għadda l-ballun wara Bonello iżda t-tentattiv tiegħu għadda ftit ċentimetri bogħod mill-wieqfa. L-istess Stolz reġa’ waqqaf qlub il-Beltin fl-94 minuta meta rreaġixxa għal kross mix-xellug ta’ Mehdi Kirch iżda t-tentattiv għadda ftit barra.
Ir-referee Juri Frischer ordna sitt minuti ta’ ħin miżjud iżda ħalla l-logħob għaddej għal kważi 11-il minuta, biex malli fl-aħħar waslet it-tisfira finali, bdew iċ-ċelebrazzjonijiet mistħoqqa ta’ Valletta.
Il-logħba xxandret b’mod dirett fuq Net Television u Net On Demand fuq net.com.mt. u kellha kummentarju ta’ Christian Micallef bil-kummenti tekniċi ta’ Konrad Sultana flimkien ma’ George Cassar.