Lokali

Tifel ta’ 10 snin jindarab f’inċident tat-traffiku fil-Mosta

Illum, għall-ħabta tas-siegħa neqsin ħamsa (1255hhrs), il-Pulizija ġiet infurmata li kien għadu kemm seħħ inċident tat-traffiku bejn żewġ vetturi ġewwa Triq tal-Imġarr, il-Mosta.

Il-Pulizija tad-Distrett marru mill-ewwel fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li l-impatt seħħ bejn Toyota Vitz misjuqa minn mara ta’ 71 sena residenti lMellieħa u Volkswagen Golf misjuqa minn raġel ta’ 71 sena residenti l-Mellieħa ukoll.

Fit-Toyota Vitz, kien hemm ukoll tifel ta’ 10 snin. Fil-Volkswagen Golf, kien ukoll raġel ta’ 38 sena mill-Greċja, mara ta’ 38 sena millKanada, tifla ta’ erba’ snin mill-Kanada u tifel ta’ sena mill-Kanada ukoll.

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lil mara ta’ 71 sena u tifel ta’ 10 snin l-Isptar Mater Dei għall-aktar assistenza medika. Aktar tard, it-tifel ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi, filwaqt li l-mara ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi ħfief.

L-irġiel ta’ 71 sena u 38 sena, ġew iċċertifikati li qed issofru minn ġrieħi ħfief hekk kif iċċertifikati miċ-Ċentru tas-Saħħa. Il-mara ta’ 38 sena u zewġt itfal ma sofrewx ġrieħi.

L-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett tal-Mosta