Sport Sport Ieħor

William Chetcuti jirbaħ it-trofew Romana Munizzioni tat-trap

William Chetcuti rebaħ it-trofew Romana Munizzioni tat-trap, avveniment li ġie organizzat fix-Shooting Range tal-Bidnija fuq tliet rawnds ta’ kwalifikazzjoni u l-fażi finali. Chetcuti spiċċa fil-quċċata fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni b’riżultat pożittiv ta’ 73/75 u rebaħ l-istadju finali wara li l-iskor reġa’ beda mill-bidu.

Paul Formosa spiċċa t-tieni u Brian Galea komplu l-podju. Is-sitt finalisti li kkwalifikaw għall-fażi finali skont l-ordni kienu William Chetcuti (73/75), Brian Galea (70/75), Nicholas Carabott (69/75), Rennie Deguara (65/75), Stephen Vella (63/75+3) u Paul Formosa (63/75+2).

Determinanti għal Chetcuti kien l-aħħar rawnd meta laqat l-għaxar plattini biex temm bi 42/50 kontra d-39/50 li laqat Paul Formosa. Id-differenza bejn Formosa u Brian Galea kienet l-ewwel rawnd minħabba li tal-ewwel laqat 23/25 filwaqt li Galea laqat 18/25 u ma rkuprax fir-rawnds ta’ wara. Rennie Deguara spiċċa fir-raba’ post segwit minn Nicholas Carabott u Stephen Vella.

Il-Programm tal-Federazzjoni Maltija tal-Isparar ikompli s-Sibt u l-Ħadd li ġej fix-Shooting Range tal-Bidnija bil-ħames u l-aħħar selezzjoni tat-trap għal din is-sena.

L-ewwel tliet tiraturi fil-klassijiet rispettivi, ikkonkludew it-tliet rawnds ta’ kwalifikazzjoni b’dawn ir-riżultati:

Klassi A:1. William Chetcuti 73/75. 2. Brian Galea 70/75, 3. Nicholas Carabott 69/75

Klassi B: 1. Frank Scorfna 62/75, 2. George Cassar 59/75, 3. Charles Muscat 55/75

Klassi Ċ: 1. George Grech 57/75 (Countback Rule), 2. Robert Farrugia 57/75, 3. Joe Cardona 56/75