Internazzjonali

Beħsiebu jwarrab mit-tmexxja tal-IAEA minħabba problemi tas-saħħa

Yukiya Amano qed jaħseb biex iwarrab ‘qabel iż-żmien’ mit-tmexxija tal-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika (IAEA) minħabba marda mhix speċifikata li ħallietu, progressivement, fi stat ‘aktar dgħajjef’.

Mistenni li Amano – diplomatiku Ġappuniż ta’ 72 sena — se jwarrab minn Direttur Ġenerali tal-IAEA f’Marzu li ġej. Dan wara li hu, fl-2017, kien reġa’ ġie maħtur kap tal-aġenzija, fuq terminu ta’ erba’ snin li kellu jwassal sat-30 ta’ Novembru tal-2021.

Ir-responsabbiltajiet tal-IAEA jinkludu l-moniteraġġ tal-attivitajiet nukleari tal-Iran taħt il-ftehim storiku tal-2015 li l-Istat Iżlamiku kien laħaq mal-potenzi tad-dinja – u li maż-żmien kienet xoljiet minnu l-Istati Uniti.

Sadanittant, it-tluq ( li issa qed jidher imminenti) ta’ Amano minn Segretarju Ġenerali tal-IAEA qed iqajjem id-dubji dwar id-direzzjoni li se taqbad l-aġenzija fil-ġejjieni.

Madankollu, ftit qegħdin jistgennew li l-IAEA tibdel drastikement il-politika tagħha fir-rigward tal-Iran u dwar xi issues sensittivi oħrajn.