Formula 1 Sport

F’Ottubru mistennija jkunu approvati tibdil fir-regolamenti tal-Formula 1

Fl-2021 mistennija li jkun hemm bidla fir-regolamenti tal-Formula 1 hekk kif f’dawn il-jiem bdew joħorġu l-ewwel dettalji. Fl-aħħar xhur beda jissemma l-bżonn li jkun hemm regoli aktar sempliċi u liberi li jkunu favur l-ispettaklu. Dak li seħħ fil-Grand Prix tal-Kanada, bl-episodju li wassal biex Sebastian Vettel ġie penalizzat, kibret il-bżonn li s-sewwieqa ma jkunux ristretti milli jippruvaw jieħdu aktar riskji biex jaqbżu avversarju.

F’Ottubru li ġej mistennija tittieħed deċiżjoni dwar regoli ġodda maqbula mill-FIA u Liberty Media li huma s-sidien tal-Formula 1. Id-Direttur tal-Formula 1 Ross Brawn iddikjara li l-objettiv tagħhom hu li jġibu l-isport aktar divertenti u sostenibbli.

Fost ir-regoli li mistennija jidħlu fl-2021 hemm li jkun introdott front wing ikbar iżda aktar sempliċi. It-tnaqqis fl-ispejjeż qed jipprevedu li jwasslu għal sistema aktar sempliċi ta’ radiators u tnaqqis ta’ 40% fil-ħin li t-timijiet jistgħu jagħmlu fil-wind tunnel.

F’din is-sistema biex jitnaqqsu l-ispejjeż, hu eskluż l-ingaġġ ta’ sewwieqa jew xi tekniċi ta’ livell għoli, spejjeż fil-marketing jew il-promozzjoni tat-tim.  Fi frażi waħda jiġifieri li f’dak li ma għandux x’jaqsam mal-prestazzjoni tal-karozza se jibqa’ kollox liberu. Dawn ir-regolamenti jridu jsibu l-kunsens tat-timijiet fosthom il-kbar li saħqu li jridu jikkompetu fi sport li jfittex ir-riċerka u l-iżvilupp.