Lokali

Gvern bla pjan li mhuwiex qed iqis l-effetti kollha u fit-tul tal-policies tiegħu stess

Immigranti sfruttati bil-kbir u jispiċċaw fl-irziezet u fl-istalel

Il-politika ewlenija tal-Gvern b’immigrazzjoni qawwija qed tkompli turi li m’għandux pjan u lanqas mhu qed iqis l-effetti kollha u fit-tul tal-policies tiegħu stess. Dan l-aħħar każ ta’ immigranti li nstabu jgħixu fl-istalel fil-Marsa huwa prova oħra wara l-każ ieħor simili f’Tal-Ħandaq, li l-immigranti stess qed ikunu sfruttati bil-kbir, b’diversi rapporti fil-midja juru li ħafna immigranti qed jitħallsu pagi baxxi ta’ ftit ewro fis-siegħa.

Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Mifsud Bonnici u minn Ivan Bartolo, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Akkomodazzjoni Soċjali, l-Ġlieda Kontra l-Faqar, is-Solitudni u l-Esklużjoni Soċjali.

Il-Gvern għadu qed jagħżel li jkabbar l-ekonomija billi jkabbar il-popolazzjoni, tant li l-popolazzjoni f’pajjiżna issa qed tmiss in-nofs miljun, u bl-akbar żieda fil-popolazzjoni fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea fis-sena li għaddiet. L-akbar numru fiż-żieda fil-popolazzjoni hija mill-immigrazzjoni. 

Il-Gvern ma qiesx l-effett li qed tħalli din il-politika fuq il-kirjiet, il-housing u l-pagi tal-ħaddiema. Lanqas ma qiesx l-effett fuq it-traffiku, fuq l-infrastruttura u fuq it-trasport pubbliku. Din il-politika tal-Gvern ġiet deskritta bħala politika taċ-cheap labour, għaliex wieħed mill-effetti li tkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni bla pjan huwa li  toħloq faqar ġdid.