Il-Ministru Ian Borg ikkonferma li għal ġimgħat, jekk mhux xhur, se jibqgħu maqlugħa numru ta’ toroq li tkissru qabel l-elezzjoni u issa x-xogħol fihom waqaf u tħallew abbandunati.
“Il-Gvern ħa deċiżjoni konxja, jiġifieri li jwaqqaf l-iskavar u allura xogħol ta’ tħammil,” spjegalna Ian Borg b’riferenza għall-Avviż Legali maħruġ mill-Ministru tiegħu stess.
Fost dawn numru ta’ toroq f’Ħad-Dingli, fejn il-Ministru twieled u trabba. Imma waqt li l-Ministru qed igawdi n-natura għall-kwiet u l-paċi fil-villa l-gdida tieghu, Infrastructure Malta li tagħha hu responsabbli ħalliet għexieren ta’ familji Dinglin fit-trab u f’toroq imkissrin.
Biss biss, fi spazju ta’ ftit metri, f’dan ir-raħal wieħed isib numru ta’ toroq li nqalgħu qabel l-elezzjoni u issa ġew abbandunati fosthom Triq il-Kunċizzjoni, eżatt fiċ-ċentru.
L-istess Triq l-Apparell, li tintuza minn diversi sidien ta’ garaxxijiet u bdiewa. Din it-triq l-ewwel inqalgħet u wara l-elezzjoni tħalliet biss miksija trab u żrar li mal-ewwel qatra xita nbidel f’tajn.
Minn dawn iż-żewġ toroq, l-inġenji u l-ħaddiema sparixxew… imma l-Ministru qed jiftaħar li r-ritmu tax-xogħol fit-toroq żdied.
“F’dawn il-każijiet kien hemm xogħlijiet ta’ trinek li bħall-kumplament tas-siti ta’ kostruzzjoni riedu jsegwu r-regolamenti ġodda,” stqarr il-Ministru.
Iżda r-regoli ġodda ilhom iktar minn ġimgħatejn li ddaħħlu fis-seħħ.
Bl-ammissjoni tiegħu stess, il-Ministru Ian Borg qed jikkonferma li mhux biss siti ta’ kostruzzjoni privati, imma anke toroq li qed tieħu ħsiebhom Infrastructure Malta, spiċċaw bix-xogħol imwaħħal.
Dan wara Avviż Legali ġdid li ddahhal fis-seħħ mill-Gvern, u li fi kliem il-Kamra tal-Periti stess sar bl-għaġġla.