Sport Sport Ieħor

Il-ġlieda bejn Joshua u Ruiz se ssir fi New York jew Cardiff

It-tieni ġlieda mistennija bejn Anthony Joshua u Andy Ruiz hi preparata biex iseħħ f’New York f’Novembru jew f’Cardiff f’Diċembru. Joshua li għandu 29 sena, tilef it-titli mondjali tal-IBF, EBA u WBO f’New York fl-1 ta’ Ġunju li għadda u eżerċita d-dritt li jerġa’ jiġġieled skont il-kuntratt tal-ġlieda.

Id-dati eżatti huma f’Madison Square Garden fid-29 ta’ Novembru jew fil-Principality Stadium ta’ Cardiff fl-14 ta’ Diċembru. Belt mal-kosta tal-punent tal-Istati Uniti kif ukoll żewġ pajjiżi oħra pruvaw jagħmlu offerta biex jorganizzaw din il-ġlieda.

It-tim ta’ Joshua kienu lesti li jikkonkludu fuq data l-ġimgħa l-oħra, iżda l-offerti minn pajjiżi ġodda pposponew milli jaslu għal konferma bejn Cardiff u New York. Dan minħabba li l-offerti kienu lussużi u kien jimmeritahom diskussjoni għalkemm kien hemm tħassib li l-istorja ta’ dawn il-pajjiżi biex jorganizzaw avveniment tal-boxing ma kienx brillanti.

Cardiff hu l-uniku stadium fir-Renju Unit li għandu saqaf u udjenza kbira fix-xitwa iżda Joshua jidher li qed jippreferi ritorn f’Madison Square Garden fejn kien għamel id-debutt fl-Istati Uniti u kien maħsud minn Ruiz.

Ruiz li hu Amerikan iżda jiġġieled taħt il-bandiera Messikana minħabba antenati tiegħu, tkellem dwar possibbiltà li jiġġieled f’Los Angeles jew il-Messiku. Kien hemm min qed jgħid li d-dewmien ta’ Ruiz kienet tattika biex jipprova jevita lil Joshua iżda l-promotur ewlieni tal-Ingliż, Eddie Hearn, qal li Ruiz kien jgħaddi minn passi dixxiplinarji.