Lokali Parlament

Il-Gvern għandu jerġa’ jinnegozja l-ftehim tal-Fortina

– Il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit Robert Arrigo

Il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit Robert Arrigo appella lill-gvern biex jerġa’ jinnegozja l-kuntratt tal-Lukanda Fortina u biex l-Awditur Ġenerali jinvestiga u joħroġ prezzijiet xierqa.

Fil-parlament Robert Arrigo ddikjara l-interess tiegħu għax oħtu miżżewġa lil tal-Fortina iżda minkejja dan xorta se jitkellem u se jivvota kontra għaliex il-ħażin hu dejjem ħażin.

Mal-ħażin m’hemmx kompromessi, qal Robert Arrigo, li kompla li l-klawsola tal-użu dejjem baqgħet fil-kuntratti li saru taħt Gvern Nazzjonalista. Illum il-Gvern Laburista jrid ineħħi din il-klawsola għaliex qed jgħid li t-turimu sejejr tajjeb meta fil-fatt it-turiżmu din is-sena qed jonqos fil-lukandi.

L-istima tiġi skont il-brief li jingħata, qal Robert Arrigo, li kompla li din l-istima hi baxxa u fuq biċċa art li fuqha ma jista’ jsir xejn f’nofs il-proġett li mingħajrha l-proġett ma jistax isir. Din l-art tal-Fortina llum tiswa madwar €25 miljun waqt li l-potenzjal tal-bejgħ mal-Bet 365 diġà qiegħed hawn għax diġà jinsabu Malta.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-għoli tal-bini hi fuq lukanda mhux fuq użu mħallat u qal li l-uffiċini tal-Bet 365 se tinbiegħ kważi €60 miljun u hemm ħafna iżjed miljuni. Dan il-ftehim sar bi prezz redikolu. Hu qal li m’għandu xejn kontra n-negozju iżda l-inġustizzja ma tistax tgħid li hi ġusta għaliex dan il-ftehim qed isir bla riskju. Din hi mozzjoni li hi rigal; il-gvern qed jikser il-ħalfa li ħa għaliex mhux jara l-interessi tal-Maltin.

Il-Viċi-Kap tal-PN Robert Arrigo kompla li hemm inċertezza fuq il-prezz u ppropona li l-valutazzjoni isir fuq iż-żona kollha u mhux fuq parti miż-żona biss. Robert Arrigo qal li l-gvern irid jiġbor kull euro mingħand il-poplu waqt li f’dan il-kuntratt qed isir preċedent ikrah għaliex spiċċa l-kunċett li kulħadd jitpoġġa fl-istess keffa.