Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija feraħ lil Ursula von der Leyen li ġiet approvata mill-Parlament Ewropew u b’hekk saret l-ewwel mara li se tokkupa l-kariga ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea.
L-istqarrija nħarġet mid-deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici u Roselyn Borg Knight, Segretarju Internazzjonali tal-PN.
L-eks Ministru għad-Difiża Ġermaniża Von der Leyen ġejja mill-istess familja tal-Partit Nazzjonalista, dik tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) li huwa l-akbar partit politiku fil-Parlament Ewropew.
F’dibattitu mal-Membri tal-Parlament Ewropew Ursula von der Leyen ippreżentat dak li se jkun il-viżjoni politika tagħha għall-Ewropa bħala President tal-Kummissjoni Ewropea.
Filwaqt li jaqbel ma ħafna mill-prijoritajiet politiċi li Von der Leyen ressqet, fosthom il-miri ambjentali ambizzjużi u l-viżjoni ta’ futur aktar stabbli għall-Unjoni Ewropea. Biss il-Partit Nazzjonalista jrid ikun ċar li se jibqa’ fermament sod kontra kull proposta ta’ taxxa komuni madwar l-Ewropa li tkun ta’ theddida għall-investiment u l-impjiegi f’pajjiżna.
Il-Partit Nazzjonalista awgura lil Ursula von der Leyen fil-ħidma tagħha bħala President tal-Kummissjoni Ewropea biex tkun ta’ gwida għal futur tal-Unjoni Ewropea bbażat fuq is-solidarjetà u ħbiberija bejn il-popli tal-pajjiżi membri.
//= $special ?>