Lokali

Il-Pulizija għadha qed tfittex seba’ immigranti maħruba

Il-Pulizija għadha qed tipprova ssib lil uħud mill-immigranti li t-Tnejn li għadda ħarbu miċ-Ċentru ta’ Detenzjoni f’Ħal Safi.

Skont l-aħħar informazzjoni, s’issa nstabu 13 waqt li kważi terz ta’ dawk maħruba, jiġifieri sebgħa għadhom ma nstabux.

Minn informazzjoni li għandu dan is-sit, il-ħabra saret meta l-uffiċjali tad-detenzjoni fetħu l-post fejn kienu qed jinżammu biex iqassmu l-ikel lill-immigranti …u kien f’dan il-ħin li dawn taw is-salt u ħarbu.

Dan l-istazzjon jinsab infurmat li ħafna mill-uffiċjali llum il-ġurnata huma mdaħħlin fiż-żmien u ma setgħu jagħmlu xejn mal-ħeffa ta’ dawn l-immigranti li fil-maġġoranza tagħhom kienu żgħażagħ.

Fis-sigħat ta’ wara, disgħa minn dawk maħruba, li kienu qed jiġru ħafja u wħud minnhom b’żaqqhom barra, inqabdu mill-Pulizija fiż-żona bejn iż-Żurrieq u Ħal Safi. Erbgħa oħra nstabu fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far fejn kienu qed jistaħbew ma’ Marokkini oħra li jgħixu f’dan il-post.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin filwaqt li għaddejja wkoll  investigazzjoni interna fiċ-Ċentru ta’ Dentenzjoni ta’ Ħal Safi.

Dan kien it-tielet każ ta’ ħarbiet ta’ Marokkini f’xahar. Fil-5 ta’ Lulju żewġ Marokkini oħra, li kienu skortati minn membri tas-Servizz tad-Detenzjoni, ħarbu meta ttieħdu biex isarrfu xi flus f’Birżebbuġa u ġimgħa biss qabel, fl-Imnarja, tliet Marokkini oħra rnexxielhom jaħarbu miċ-Ċentru ta’ Detenzjoni ta’ Ħal Safi meta nħarġu għall-ikel. Il-Pulizija s’issa qatt ma qalet li dawn instabu.

Mistoqsijiet mibgħuta lill-Pulizija aktar minn 24 siegħa ilu baqgħu mhux imwieġba.