Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Johnson ‘qed jippjana’ elezzjoni għas-sajf tal-2020

Rapport fil-gazzetta Britannika ‘The Times’ qal li l-attivisti involuti fil-kampanja ta’ Boris Johnson iridu li l-poplu tar-Renju Unit jivvota f’elezzjoni ġenerali matul is-sajf tal-2020.

Għalkemm Johnson għadu ma ġiex iddikjarat Kap tal-Konservattivi fil-Gvern, ir-rapporti komplew li l-attivisti ‘ta’ madwaru’ diġà bdew jiġbru l-fondi biex jingaġġaw aktar staff għal magħhom kif ukoll biex iħejju lill-Partit Konservattiv għal dan l-impenn nazzjonali.

Boris Johnson, eks Sindku ta’ Londra, hu l-favorit ċar li jieħu post Theresa May bħala Prim Ministru tar-Renju Unit – u ladarba jkun ikkonfermat (nhar it-Tlieta) ir-riżultat tal-aħħar fażi tat-taqtigħa għat-tmexxija tal-Partit Konservattiv bejnu u s-Segretarju għall-Affarijiet Barranin, Jeremy Hunt.

Johnson tenna li ‘tkun ħaġa assolutament bla sens’ li ssir elezzjoni ġenerali qabel hu ikun ħareġ ir-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.

Fl-istess ħin, il-ġurnalisti mat-Times ta’ Londra qalu li n-nies wara l-kampanja ta’ Johnson qegħdin jaħsbu biex jinvestu aktar flus fil-kwartieri-ġenerali tal-Partit Konservattiv ‘bi tħejjija għal elezzjoni tal-2020’.

Ir-Renju Unit mistenni jikkonkludi l-proċess tal-Brexit ( il-ħruġ mill-Unjoni Ewropea) fil-31 ta’ Ottubru.

L-elezzjoni ġenerali li jmiss fir-Renju Unit suppost li ssir fl-2022. Dan waqt li Johnson u Hunt – iż-żewġ sfidanti ewlenin għat-tmexxija tat-Tories – kienu qalu, pubblikament, li  ‘ma kenux qed jaħsbu biex idaħħlu lill-pajjiż f’elezzjoni qabel dik is-sena’.