Qorti fil-belt ta’ Istanbul għaddiet verdett ta’ maħfra lil żewġ ġurnalisti u attivista favur id-drittijiet umani li kienu qed jiffaċċjaw akkużi dwar terroriżmu.
It-tliet imputati kienu akkużati dwar il-firxa ta’ ‘propaganda terroristika’ b’konnessjoni mal-ħidma tagħhom għall-gazzetta tal-Kurdi Ozgur Gundem li llum tneħħiet miċ-ċirkulazzjoni – bl-uffiċini tagħha jingħalqu għal kollox mill-awtoritajiet Torok.
Kien allegat, intant, li l-propaganda saret fl-interessi tal-moviment militanti tal-Kurdi PKK li hu dikjarat bħala entità illegali mit-Turkija. Dan waqt li t-tliet imputati kienu qed jiffaċċjaw sa 14-il sena ħabs kull wieħed f’każ ta’ verdett tal-ħtija.
Sadanittant, it-tlieta baqgħu jinsistu li huma kienu qed jiddefendu d-dritt għall-espressjoni ħielsa, fost kampanja ripressiva mmexxija mill-President Tork, Recep Tayyip Erdogan.
Erol Onderoglu, ir-rappreżentant Tork għall-grupp Reporters Without Borders (RSF); il-ġurnalista Ahmet Nesin u Sebnem Korur Fincanci, l-attivista li tmexxi l-Fondazzjoni tad-Drittijiet Umani fit-Turkija, kienu arrestati f’Ġunju tal-2016.
L-indiċi annwali tar-Reporters Without Borders rigward il-libertà tal-istampa tpoġġi lit-Turkija fil-157 post ta’ lista magħmulha minn 180 pajjiż.
Ir-raġuni għal dan, fil-parti kbira, hi li t-Turkija hi l-aktar pajjiż fid-dinja li hu dispost biex jitfa’ lill-membri tal-istampa l-ħabs.
Is-sena l-oħra, it-Turkija tefgħet 68 ġurnalista l-ħabs, b’dan l-ammont ikun l-ogħla wieħed fost l-Istati l-oħrajn kollha tad-dinja. Il-parti kbira tal-ġurnalisti akkużati jew li qed jiskuntaw diġà sentenzi ta’ priġunerija huma ta’ oriġini Kurda.
//= $special ?>