Sport Waterpolo

Jake Bonavia determinat li jiżviluppa t-talent li għandu

Jake Bonavia, fost l-aqwa talenti żgħażagħ fil-klabb ta’ San Ġiljan, li matul dan l-istaġun fl-età ta’ 16-il sena, qed iduq ukoll l-ewwel esperjenza tiegħu mat-tim ewlieni Ġiljaniż. Iż-żagħżugħ Bonavia, jitkellem dwar din l-esperjenza li jqisha pożittiva, għalkemm jammetti li jkun diffiċli biex ilaħħaq magħhom, madankollu jinsab fiduċjuż li ftit ftit xi darba jasal biex ikun tal-livell tagħhom.

L-ewwel pass ta’ Bonavia fil-waterpolo kien madwar tmien snin ilu meta kien qed jitħarrġu xi tfal oħra, għoġbu u l-kowċ dakinhar kien qallu biex jipprova jidħol magħhom. Minn hemm beda u ftit ftit daħal u baqa’ tiela’ fil-klabb Ġiljaniż.

Tkellimt mal-kowċ ta’ San Ġiljan Marko Orlovic li jinsab kuntent li hu l-kowċ ta’ plejer tajjeb u fl-istess ħin kburi li l-klabb Ġiljaniż jista’ jipproduċi plejer b’talent bħal ta’ Jake Bonavia. Il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti Karl Izzo għandu stima lejn id-dedikazzjoni ta’ Bonavia u jiddeskrivi lil dan iż-żagħżugħ bħala “plejer li jagħtik qalbu, qatt ma jirrispondi jew jitkellem u plejer li dejjem tkun tridu miegħek fit-tim.”

L-ispazju li qed jingħata mat-tim ewlieni

Jake Bonavia beda jkun inkluż fl-iskwadra ewlenija ta’ San Ġiljan fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Enemed Cup u fil-Kampjonat tax-Xitwa lagħab ma’ Otters fl-Ewwel Diviżjoni fejn anki rnexxielu jiskorja seba’ gowls. Sa issa fil-Kampjonat tas-Sajf, Bonavia rnexxielu wkoll isib ix-xibka darbtejn kontra Birżebbuġa u Marsaxlokk.

Għalkemm qed jieħu ftit minuti mal-iskwadra ewlenija, Bonavia jibqa’ saqajh mal-art u jispjega d-differenza meta jilgħab mal-kategorija tiegħu u mat-tim tal-kbar. “Ifhem dejjem l-ewwel trid tilgħab ma’ ta’ min hu daqsek imbagħad tilgħab ma’ ta’ min hu akbar, dak huwa kif naħdmu hawnhekk. Id-differenza meta tkun ta’ daqsek trid qisek tkun wieħed mill-aħjar u meta tkun ma’ ta’ akbar huma jgħallmuk u jgħidulek x’tagħmel, mhux inti tagħmel kif jixraq lilek.”

Kif jaħsbuha l-kowċis Marko Orlovic u Karl Izzo?

Il-kowċ ta’ San Ġiljan Marko Orlovic isegwi lil Jake fil-progress tiegħu fil-kategoriji kollha u jispjega s-sitwazzjoni ta’ dan iż-żagħżugħ fil-klabb Ġiljaniż. “Aħna spjegajna lil Jake li din is-sena u probabbli s-sena d-dieħla, kull minuta li qed nagħtuh irid jipprova jużaha biex jitgħallem xi ħaġa mhux biss li jiskorja gowl. Hu qiegħed hemm biex jipprova jtejjeb il-potenzjal u l-karattru tiegħi. Din is-sena l-prijorità huma l-gruppi ta’ taħt is-17 u l-20 sena.”

Karl Izzo jammetti li Bonavia hu wieħed mill-favoriti tiegħu għaliex jemmen fih u hu tifel li hu eżempju għal ħaddieħor. Kif jiddeskrivih l-istess Izzo, Jake Bonavia hu plejer versatili għaliex sostna li mhux se jitkeċċa malajr meta jkun l-aħħar raġel, kapaċi jirbaħ il-ballun b’intelliġenza, kapaċi jagħmel kontrattakk u kważi jista’ jilgħab kullimkien.

“Mill-ewwel sekonda tal-logħba, jitlaq bis-swim-up u sal-aħħar sekonda jibqa’ għaddej. Jgħin lil sħabu speċjalment f’kontrattakki kontra u għandu l-moħħ tal-logħba li jaf jagħmel ħafna affarijiet, jiġifieri l-istamina u l-moħħ huma l-preġji l-kbar li għandu,” żied Izzo.

Il-bilanċ bejn l-iskola u l-waterpolo

Fl-aħħar ħames snin, Jake Bonavia attenda l-Iskola Nazzjonali tal-Isport, skola li għenet lilu u żgħażagħ oħra bħalu biex jibqgħu javvanzaw b’mod akkademiku, mingħajr ma jaqgħu l-isport.

Għalih hu diffiċli biex isib il-bilanċ bejn dawn iż-żewġ aspetti u jqis l-aktar ħaġa importanti t-time-management. “L-istudju ma jkunx faċli meta l-isport ikun tqil ukoll, allura trid tibbilanċja. Ifhem tkun tajjeb fit-tnejn diffiċli ħafna imma xi darba tasal. Ma tistax tibbilanċja eżatt imma b’xi mod tista’ tasal, ma tistax tiffoka fuq sport biss għax l-iskola taqa’ lura u bil-kontra.”

Ġurnata tipika ta’ Bonavia tibda kmieni filgħodu hekk kif fis-6.00am ikollu t-taħriġ ma’ Karl Izzo u man-nazzjonal. Waqt il-ħin tal-iskola jerġa’ jkollu t-taħriġ imbagħad filgħaxija jerġa’ jilgħab il-waterpolo mal-klabb ta’ San Ġiljan.

Jake Bonavia jixtieq jilgħab barra minn Malta?

Dawk kollha li jiffrekwentaw il-waterpolo lokali jittamaw li meta jkun hemm talent prospettiv, dawn iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jmorru jilagħbu barra minn Malta. Fortunatament, Bonavia weġibni fil-pożittiv.

“Iva, nixtieq nilgħab barra minn Malta wara li nlesti s-Sixth Form issa u hija l-ħolma tiegħi illi nagħmel sena, sentejn barra biex nara kif inhuma hemmhekk u tista’ titgħallem ħafna minn hemmhekk iktar minn Malta żgur.”

Karl Izzo jinsab fiduċjuż li jekk jagħmel dan il-pass jista’ jfendi għal rasu u jitjieb kif wara kollox għamlu dawk il-plejers Maltin li lagħbu barra minn Malta.

Il-fiżika ta’ plejer bħal Jake Bonavia mhix kbira u ħafna jistgħu jarawha bħala żvantaġġ, iżda Karl Izzo jemmen li bir-regoli l-ġodda jista’ jkun hemm għajnuna għaliex se jkun hemm bżonn ta’ plejers li jgħumu u biex iġibu t-tkeċċijiet u għalhekk jaħseb li r-regoli se jkunu ta’ benefiċċju għalih.

Jake hu plejer edukat iżda fuq kollox determinat u konċentrat biex jirnexxi u jiżviluppa t-talent li għandu fil-waterpolo. Plejer żagħżugħ li għadu jrid jikber fiżikament, iżda l-kwalitajiet tiegħu karatterjalment kif ukoll bħala plejer fil-pitch, jagħmluh plejer promettenti li jekk jibqa’ miexi fid-direzzjoni t-tajba, nistgħu nisimgħu aktar bih fil-futur.

Din l-intervista hi bbażata fuq is-servizz Stilel tal-Futur li jixxandar waqt il-programm Man Up+ fuq Net Television. Il-programm sħiħ tistgħu ssegwuh fuq Net on Demand https://netondemand.mt/play/3185

Tags