Internazzjonali

Jiffirmaw ftehim biex itemmu t-taqlib u l-vjolenza fis-Sudan

Il-Kunsill militari amministrattiv tas-Sudan u l-kapijiet tal-Oppożizzjoni ffirmaw ftehim għall-qsim tal-poter wara taħditiet fit-tul, f’Khartoum.

Dan waqt li Mohamed Hamdan Dagalo, il-Viċi-Chairman tal-Kunsill Militari Transitorju fis-Sudan li ffirma l-ftehim, qal li dan hu mument storiku għall-pajjiż.

Is-Sudan ilu għaddej mit-taqlib u l-vjolenza mindu l-militar keċċa lil Omar al-Bashir minn President f’April li għadda. Fl-aħħar ġimgħat spikkaw ukoll sensiela ta’ inċidenti waqt li d-dimostranti fil-kapitali insistew biex il-militar jgħaddi lura l-poter liċ-ċivili.

L-aktar inċident imdemmi kien seħħ fit-3 ta’ Ġunju, fost l-intervent tal-militar Sudaniż li ħalla għexieren ta’ mejtin waqt dimostrazzjoni ta’ protesta.

Il-ftehim ‘storiku’, issa, jesiġi biex il-mexxejja militari u l-Oppożizzjoni jalternaw il-kontroll tal-Kunsill Sovran – l-ogħla livell ta’ tmexxija f’Khartoum – għal ftit aktar minn tliet snin.

Il-Kunsill se jkun magħmul minn ħames ċivili, ħames personalitajiet militari u ‘ċivili ieħor’ li jrid jintgħażel mill-għaxar membri.

Ġeneral tal-militar għandu jmexxi dan il-Kunsill għall-ewwel 21 xahar, imbagħad it-tmexxija tgħaddi f’idejn membru ċivili għat-tmintax il-xahar sussegwenti – b’dan il-perjodu, imbagħad, ikun segwit mill-elezzjonijiet.

Sadanittant, mistenni li tieni ftehim dwar l-issues kostituzzjonali jkun iffinalizzat nhar il-Ġimgħa.

Il-ftehim ifisser li s-Sudan – teoretikament – jinsab tliet snin biss ‘il bogħod minn amministrazzjoni magħmulha totalment minn ċivili, wara 30 sena ta’ tmexxija militari.