Parlament

Kontribut mill-Oppożizzjoni għall-aqwa faċilitajiet fil-korsa taż-żwiemel tal-Marsa

Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal li l-Oppożizzjoni tant kontribut qawwi biex id-dilettanti taż-żwiemel fil-Marsa jkollhom l-aqwa ftehim fil-proċess ta’ kummerċjalizzazzjoni.

Fl-Aġġornament Ryan Callus qal li l-Opożizzjoni dehrilha li l-kuntratt ma kienx jorbot biżżejjed mill-investituri mal-parti sportiva. Hu kompla li t-tiġrijiet taż-żwiemel hi waħda mid-dixxiplini importanti fil-pajjiż u hemm bżonn investiment fiha. L-Oppożizzjoni tat il-kontribut biex dawn il-faċilitajiet jitjiebu fosthom li l-korsa tinżamm fi stat tajjeb fir-ramel. Dan flimkien ma’ faċilitajiet aħjar għall-ispettaturi u faċilitajiet ta’ parkeġġ għall-ispettaturi u għas-sidien taż-żwiemel.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni mhix favur li jsiru tiġrijiet tal-klieb minħabba li ma tħossx li din il-prattika għandha tidħol fil-pajjiż. Dan jista’ jwassal biex ikun hemm abbandun ta’ klieb wara li dawn ikunu spiċċaw mit-tiġrijiet. Hu appella biex il-gvern jisma l-appelli tal-għaqdiet (MSCPA) li jaħdmu favur il-klieb u l-annimali.

Ryan Callus kompla li r-rebħ fit-tiġrijiet taż-żwiemel għandu jgħola għaliex hemm ħafna spejjeż involuti biex iż-żwiemel jinżammu fl-aħjar kundizzjonijiet. Kull inevstiment li jsir f’dan is-settur irid isir fil-kuntest kummerċjali iżda dan m’għandux idgħajjef l-element sportiv.

L-Oppożizzjoni qatt ma oġġezzjonat mal-kummerċjalizzazzjoni tal-isport, sostna Ryan Callus, li semma’ l-klabb tal-polo li hu wieħed mill-eqdem klabbs fl-Ewropa u qal li kien tajjeb li nstabu soluzzjoni f’dan is-settur.