Lokali

L-AKL toġġezzjona għall-applikazzjoni ta’ skavar fuq il-proġett propost fl-art magħrufa bħala tal-ITS

L-Assocjazzjoni tal-Kunsilli Lokali (AKL) qiegħda toġġezzjona għall-applikazzjoni ta’ skavar għall-proġett propost mill-grupp DB.

Permezz ta’ stqarrija, l-AKL qalet li huwa tajjeb li l-izviluppatur jissotometti l-proġett tiegħu, iżda bl-istess mod, l-irwol tal-Awtorità tal-Ippjanar għandu jkun li tara li t-tali proġett jkun skont il-Pjani Lokali kif ukoll li jħares l-aspett ambjentali,

Huwa għalhekk li l-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali talbet ukoll lill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex tikkunsidra li fuq il-Bord ta’ dan il-proġett, it-tliet Kunsilli Lokali ta’ s-Swieqi, Pembroke u San Giljan, ikollhom rappreżentanza kull wieħed kif inhu xieraq.

L-AKL komplew billi qalu li z-zona li hija magħżula għal dan l-iżvilupp hija miżgħuda diġà b’għadd ta’ karozzi, u makkinarju ieħor ta’ kostruzzjoni, magħhom ukoll għadd ta’ vetturi privati li ħafna drabi jagħmluha impossibli li wieħed jaċċessa l-post bla ma jagħmel ħin twil ta’ stennija fit-traffiku.

L-istess Assoċjazzjoni qalu li ma kienx hemm spjegazzjoni tajba ta’ dan il-pjan, dwar x’ifisser, kif se jiġi attwat u x’ inhi l-vizjoni għal quddiem u kif ukoll fuq kien hemm min kellu interess li qabel jibda x-xogħol wieħed jipprova jisma’ u jifhem.

L-AKL tenniet ukoll li hemm bżonn li jkun hemm Master Plan għal Paceville, li jieħu ħsieb b’serjetà l-Infrastrutura. Jekk kollox jibqa’ għaddej bla Masterplan, dan ikun suwiċidju għar-residenti u n-nies li jiffrekwentaw din iz-zona turistika.

Fost oħrajn l-AKL qalet li toġġezzjona għal bosta punti, fosthom:

  • Li l-istess proġett li kien immarkat li se jsir fuq is-sit li qabel kien magħruf bħala l-iskola tal-ITS kien se jkun ferm ikbar mill-binja eżistenti tal-istess istitut
  • Li l-istess proġett se jiġġenera żieda konsiderevoli ta’ traffiku, mhux biss waqt il-perjodu ta’ żvilupp imma anki meta dan jitlesta
  • Li l-istess żieda fit-traffiku ser ikollha impatt negattiv fuq il-livell ta’ tniġġis fl-arja li minnha se jbatu r-residenti taz-zona
  • Li t-traffiku iġġenerat, se jkun ta’ dannu kbir għan-negozji fiz-zona kif ukoll se jkollu impatt negattiv hafna fuq ir-residenti tal-lokalitajiet immedjati u vicin

F’din is-sitwazzjoni ma jaghmilx sens li naghtu permessi b’ mod individwali bla ma naraw l-impatt ta’ hafna permessi bhal dawn se jkollhom fuq il-lokalitajiet rispettivi, f’dan il-każ, dawk ta’ Pembroke, San Ġiljan  u s-Swieqi.

Tags