Lokali Parlament

L-investituri l-kbar qed jiddettaw…il-poplu qed jinsteraq

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li l-investituri l-kbar qed jiddettaw fil-ftehim il-kbar li qed isiru u li fihom il-poplu qed jinsteraq.

Fil-parlament Adrian Delia tkellem dwar il-prinċipji meta l-gvern ibiegħ propjetà tal-popluuqal li fil-propjetà tal-Gvern li tingħata lill-privat, il-prinċipju għandu jkun jekk dawn ikunux l-aħġar kundizzjonijiet għall-poplu.

Hu staqsa jekk f’Tas-Sliema bħalissa hemmx bżonn l-aktar postijiet ta’ spekulazzjoni jew iktar postijiet ta’ turiżmu ta’ kwalità.

F’dan il-ftehim il-gvern jidhirlu li jnaqqas l-aspett turistiku u jżid il-propjetà. It-tneħħija tal-kundizzjonijiet saret għotja, għandha valur u trid tirrispetta l-prezz tas-suq. Hu ċar li l-prezz li l-gvern qed iġib ferm inqas minn dak li hemm fis-suq.

Dwar il-kundizzjonijiet li qed jitneħħew, Adrian Delia qal li l-gvern jgħid li m’hawnx art biżżejjed għall-akkomodazzjoni soċjali u li hawn eluf li jlaħħqux mal-kirijiet. Iċ-ċittadin Malti m’għandux il-kundizzjoni li jista’ jħallas f’10 snin u għalhekk il-gvern qed jagħmilha ta’ bank mal-ispekulatur iżda liż-żgħir mhux ituh l-istess opportunitajiet.

Adrian Delia tkellem dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-ogħli u qal li meta l-gvern jagħti l-assi lil xi ħadd, il-gvern idaħħal kemm jista’.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li lejlet il-Milied il-gvern ressaq id-dispożizzjoni tal-art tal-Corinthia waqt li issa qabel il-parlament jaġġorna għas-sajf qed iġib din ir-riżoluzzjoni. L-informazzjoni tasal għand l-Oppożizzjoni ftit siegħat biss qabel.

Din hi sistema li qed juża l-gvern biex inaqqas l-iskrutinju tal-Oppożizzjoni. Il-gvern m’għandux l-abbiltà li jagħmel l-iskrutinju għaliex id-deputati Laburista jiffurmaw parti mill-eżekuttiv. Propju fil-ġimgħa qabel ixolji l-parlament il-gvern iġib il-Fortia, skola fl-Imtarfa u l-korsa taż-żwiemel tal-Marsa.

F’dawn it-tliet każijiet ma ngħatatx l-informazzjoni dwar l-investiment privat, x’se jieħu l-poplu u x’se jieħdu l-isportivi. L-Oppożizzjoni tappoġġja l-investiment fl-isport iżda mhux permessibbli li l-gvern jarmi l-propjetà b’negozju ieħor. L-Oppożizzjoni trid korsa taż-żwiemel fuq livell internazzjonali iżda jrid ikun aċċertat li dan mhux se jsir bi sfreġju. Mid-dokumentazzjoni li hemm jidher il-gvern mhux qed jipproteġi d-drittijiet tad-dilettant u ma jipproteġix l-obbligi tal-kuntrattur.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li fl-ebda negozju minn dawn, il-gvern ma ħax ħsieb id-drittijiet tal-poplu. L-interess tal-gvern mhux li jġib l-aqwa għall-poplu iżda li jkunu l-investituri l-kbar li jiddettaw huma. L-Oppożizzjoni għamlet siegħat tinnegozja biex iġġib l-aħjar kundizzjonijiet fl-isport fil-Marsa. Kull negozju u kuntratt tal-Gvern se jkun mifli mill-Oppożizzjoni li mhux se tippermetti li tapprova jekk ma jkollhiex l-informazzjoni kollha.

In-negozju tal-Foritna ma jistax ikun ġustifikat għax il-gvern qed ibiddel il-kundizzjonijiet biex jipprmetti li l-użu għat-turiżmu jingħataw bix-xejn u għalhekk jinsterqu l-Maltin u l-Għawdxin. Għalhekk, l-Oppożizzjoni se tivvota kontra din ir-riżoluzzjoni għaliex dan hu negozju li jagħmel għajb lill-poplu u l-mod kif il-gvern imexxi l-propjetà tiegħu.