Ambjent Lokali

L-Oppożizzjoni kontra li art pubblika tingħata bix-xejn

L-Oppożizzjoni vvutat kontra kuntratt ġdid tal-Gvern għall-Fortina biex isir tibdil għall-ftehim oriġinali biex jitneħħew il-kundizzjonijiet oriġinali fejn l-art kellha tintuża għal skop turistiku. L-Oppożizzjoni temmen li fid-dawl li l-art kienet mogħtija għat-turiżmu, żona turistika m’għandhix tingħata għall-ispekulazzjoni.

L-Oppożizzjoni kienet diġà vvutat kontra dan il-ftehim ġdid li ried jagħmel il-Gvern fil-Kumitat tal-Verifika. Dan meta l-valutazzjoni ma kinitx qed tikkunsidra l-aspetti kollha u mill-kuntratt irriżulta li hemm aspetti oħra li fuqhom ma sarx valur fosthom it-tneħħija tal-limitazzjoni tal-għoli tal-lukanda, bdil fl-użu minn turizmu għal wieħed kummercjali u t-tneħħija ta’ kundizzjoni fejn kellu jinbena pitch tal-boċċi għall-komunità.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista ddikjara li huwa evidenti li l-valutazzjoni tal-Gvern hija undervalued għaliex naqset milli tivvaluta artijiet għat-tneħħija tal-kundizzjonijiet li bihom kienu marbuta bihom. L-Oppożizzjoni tqis li art, li hija art pubblika, m’għandhix tingħata bix-xejn.  

L-Oppożizzjoni  għandha wkoll riżervi fuq il-prinċipju fejn entità kummerċjali possibbilment innegozjat proġett u wara li kkonkludiet ġiet għand il-Gvern sabiex tifdi l-kundizzjonijiet. Dan huwa preċedent perikoluż.

L-istqarrija kienet ippubblikata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Sigurtà Nazzjonali u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità Beppe Fenech Adami, mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Ġlieda kontra l-Obeżità Ryan Callus u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-Trasport u l-Infrastruttura Toni Bezzina. It-tliet membri tal-Oppożizzjoni huma membri tal-Kumitat tal-Verifika.