Il-Ħamis l-Awtorità tal-Ippjanar mistennija tapprova t-tneħħija ta’ 549 siġra mit-toroq bejn ir-Rabat u Ħ’Attard. Dan flimkien ma’ 49,000 metru kwadru ta’ art verġni u numru ta’ binjiet storiċi biex minflok isir is-Central Link Project.
Iżda l-Ministru Ian Borg, frott anke l-kontroversja u l-kritika mill-ambjentalisti u r-residenti tal-inħawi, qed jistħi jgħid kemm se jinqalgħu siġar…tant li ħarab mill-mistoqsija ta’ Net News.
“Jien bħala Ministru responsabbli mill-Infrastruttura u l-Ippjanar ma rridx nippreġudika l-vot. Inħalli issa f’idejn il-membri li huma fi ħdan l-awtorità biex b’mod indipendenti jagħmlu l-għażliet tagħhom,” iddikjara l-Ministru Ian Borg.
Ippressat fuqha, Ian Borg irreferiena għall-paġni tiegħu fuq il-midja soċjali. “Aktar ‘il quddiem ngħaddi l-kummenti tiegħi fuq il-mezzi soċjali u jekk trid kwotani hemm.”
Fl-aħħar jiem l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi ftaħret li fi proġetti bħal dawn, is-siġar li se jinqalgħu se jitħawlu f’postijiet oħra.
Madankollu dan l-esperiment diga’ gie pruvat u ma tantx irnexxa. Mill-21 siġra tal-ħarrub li nqalgħu meta sar il-proġett tal-Kappara, u li ntefgħu f’Wied Għollieq, salvaw biss tlieta. Imma anke dwar dan, Ian Borg ħarab milli jwieġeb.
Għal darb’oħra, anke f’dan il-każ il-Ministru Ian Borg qed jinjora lil min jikkritika x-xogħol u ma wieġeb xejn lanqas dwar din il-kritika. Anzi farfar milli jitkellem fuqha.
“Nixtieq nirringrazzja lill-komunitajiet tal-madwar għall-appoġġ lejn dan il-proġett,” stqarr il-Ministru.
Iżda li hemm appoġġ mir-residenti, żgur mhux minnu. Sena ilu, il-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard kien ħareġ kontra dan il-proġett wara vot fil-Kunsill Lokali.
Sa Settembru li għadda l-Awtorità tal-Ippjanar kienet irċeviet 1,400 sottomissjoni mill-pubbliku li talab diversi emendi biex titnaqqas il-qerda tal-ambjent f’dawn l-inħawi.
L-istess jista’ jingħad għall-bdiewa, li spiċċaw evakwati mill-għelieqi tagħhom li minn hawn u ftit ġimgħat ohra jibdew jaraw il-gafef u t-trakkijiet għaddejjin minn fuqhom … u s-sidien tal-vilel u r-residenzi li minflok għelieqi, se jispiċċaw f’nofs żewġ toroq arterjali.
Il-proġett saħansitra kien wieħed mir-raġunijiet prinċipali għaliex ir-residenti ngħaqdu flimkien biex waqqfu l-Attard Residents Environmental Network.
Fl-aħħar sigħat kemm l-Attard Residents Environmental Network, imma wkoll il-Bike Advocacy Group, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth (Malta), Futur Ambjent Wieħed, Isles of the Left, Moviment Għaqda Siġar Maltin, Moviment Graffitti, Nature Trust Malta, Ramblers’ Association of Malta u Żminijietna ukoll appellaw lill-awtoritajiet biex jirbaħ is-sens komun, biex ikun salvagwardat l-ambjent urban u rurali u biex tiġi promossa bidla favur mezzi tat-trasport alternattivi u anke s-saħħa tar-residenti ta’ Ħ’Attard.