Sport Sport Ieħor

Malta tirbaħ l-ewwel żewġ logħbiet fit-Tazza Davis kontra Andorra u San Marino

Fiċ-Ċentru Nazzjonali tat-Tennis f’San Marino, kien fl-azzjoni t-tim Malti tal-irġiel tat-tennis f’Diviżjoni 4 Sezzjoni B tat-Tazza Davis. It-tim Malti ħa sehem l-ewwel darba f’din il-kompetizzjoni fl-1986 u l-aktar li wasal kien f’Diviżjoni 2.

Fl-ewwel partita kontra Andorra, Malta rebħet 2-1 kontra l-Andorra. Matthew Asciak għeleb lil Jesus Muro Loscertales u Matthew Cassar Torreggiani tilef 6-2, 6-3 kontra Rodeiro Ricardo Stetson. Madankollu fid-doubles, Asciak u Omar Sudzuka għelbu lil Eric Cervos Nogues u Rodeiro Stetson 6-4, 6-3.

Fit-tieni konfront kontra San Marino, Matthew Asciak rebaħ 6-1, 6-0 kontra Tommaso Simoncini iżda Matthew Cassar Torreggiani tilef kontra Marco de Rossi 6-1, 6-2. Fil-logħba deċiżiva, Matthew Asciak u Omar Sudzuka rebħu fid-doubles kontra Marco de Rossi u Domenico Vicini 6-1, 5-7, 6-1.

It-tim Malti jilgħab il-logħba li jmiss għada kontra l-Kosovo filwaqt li l-Ġimgħa tintlagħab il-logħba kontra l-Irlanda, in-nazzjon li sa issa rebaħ it-tliet konfronti fil-grupp.