Fi stqarrija maħruġa llum, il-membri tal-PN li ressqu l-ewwel petizzjoni biex jitlaqqa’ Kunsill Ġenerali esprimew sodisfazzjon għall-eżitu li kien hemm mill-Eżekuttiv tal-bieraħ.
Huma qalu li “fi spirtu ta’ kompromess u fl-aħjar interess tal-Partit aħna qbilna li għandu jkun hemm mistoqsija waħda li għandha titpoġġa għall-vot, flok ma jkun hemm tliet mistoqsijiet differenti jew tliet Kunsilli Ġenerali, dak imsejjaħ minna, dak imsejjaħ mill-petizzjoni l-oħra, u dak msejjaħ mill-Kap tal-PN”.
Huma insistew li tliet mistoqsijiet kienu joħolqu konfużjoni sħiħa.
“Aħna qbilna li għall-ġid tal-Partit issir mistoqsija waħda, hekk kif imressqa mill-Kap tal-Partit, li fl-aħħar mill-aħħar xorta tirrappreżenta vot ta’ fiduċja jew le fit-tmexxija tal-Kap tal-Partit”.
L-istqarrija kienet mibgħuta minn Ivan Bartolo, Emma Portelli Bonnici, Mark Anthony Sammut, Emvin Bartolo u Martin Musumeci.