Lokali

AĠĠORNATA: Raid fuq numru ta’ immigranti fil-Marsa

Kienu qed jgħixu fi stalel imbarrati bil-ħadid

Kmieni dalgħodu l-Pulizija wettqu raid fi stalel taż-żwiemel fi Triq il-Ġerrejja fil-Marsa, fejn instabu mal-100 immigrant li kienu qed jgħixu illegalment fi propjetajiet u bini li mhux suppost jintużaw għal skopijiet residenzjali. Stalel li kienu qed iservu bħala 19-il akkomodazzjoni żgħira għal dawn l-immigranti.

Nies fil-post li tkellmu ma’ Net News qalulna li l-Pulizija kellhom iqaċċtu l-katnazzi biex jidħlu fl-istalel, li wħud minnhom kienu mbarrati bil-ħadid. 47 minn dawn l-immigranti gew arrestati u ttiehdu d Depot fejn ġew interrogati mill-Pulizija tal-immigrazzjoni.

Il-kundizzjonijiet li kienu jgħixu fihom dawn l-immigranti kienu miżeri tant li fi stalla partikolari kienu anke jgħixu madwar 15-il immigrant. Fi spazju litteralment ristrett, huma kienu joqogħdu f’kundizzjonijiet inumani fejn fl-istess kamra kienu jsajru u jinħaslu. B’kollox instabu 200 sodda f’dawn l-istalel.

Din il-ħidma tal-awtoritajiet kienet ordnata mill-uffiċjali tal-Awtorità tal-Ippjanar li kienu assistiti mill-Pulizija tas-Special Intervention Unit, l-RIU, l-ALE, dawk tal-Immigrazzjoni u uffiċjali tal-Awtorità tas-Saħħa.

F’notifika maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar iktar kmieni dan ix-xahar, l-Awtorità kienet stqarret li kien hemm żvilupp li ma kienx skont il-permess fejn l-użu tas-sit inbidel minn garaxxijiet, imħażen u stalel għal użu residenjzali. L-Awtorità baqgħet tesiġi li dan l-iżvilupp jitwaqqaf minnufih u jittieħdu l-passi neċessarji.

Sadattant sid ta’ tnejn minn dawn l-istalel esprima r-rabja tiegħu għall-mod kif il-Pulizija, skont hu qabdu u daħlu u kissru l-bibien.

Dan minkejja li kien hemm notifika iktar kmieni dan ix-xahar u kif ukoll li dan l-istess sid kien avżat b’dak li kien se jiġri kmieni dalgħodu. Huwa ammetta li kien qed jikri dawn l-istalel lill-immigranti b’mod illegali b’rata ta’ 100 ewro fix-xahar lil kull immigrant.

Intant, f’post fuq il-meida soċjali, l-organizzazzjoni volontarja SOS Malta qalet li dawn il-kunidzzjonijiet li kienu qed jgħixu fihom dawn in-nies huwa frott tal-kriżi li hawn f’Malta fis-settur tal-housing u l-kirjiet.

Dan mhux l-ewwel każ ta’ immigranti jgħixu f’razzett. Madwar sena ilu, propju fit-13 ta’ Awwissu, ittieħdet azzjoni ta’ infurzar mill-Awtorità tal-Ippjanar fejn wara spezzjoni f’razzett f’Ħal Qormi, sabet ammont ta’ persuni ta’ nazzjonalita barranija jgħixu f’dan ir-razzett.F’dan il-każ, l-immigranti wkoll kienu jħallsu sa €100 fix-xahar sabiex jgħixu f’post b’kundizzjonijiet li mhux tajbin biex jgħix bniedem fihom. B’kollox dakinhar kienu nstabu mal-120 immigrant.