Newcastle United ħatru lil Steve Bruce biex ikun il-manager tagħhom fuq kuntratt ta’ tliet snin. Bruce li għandu 58 sena rriżenja minn manager ta’ Sheffield Wednesday it-Tnejn li għadda wara diskussjonijiet mal-Magpies fi tmiem il-ġimgħa.
Hu se jkun is-suċċessur ta’ Rafael Benitez li ħalla l-klabb meta spiċċalu l-kuntratt fi tmiem Ġunju. Għal Bruce dan se jkun l-għaxar klabb li se jmexxi u din il-ħatra hi speċjali minħabba li hu twieled qrib Newcastle u hu partitarju tal-istess klabb.
Fl-ewwel kummenti tiegħu, Bruce qal li dan hu mument speċjali għalih u għal familja tiegħu. Hu żied li hu konxju mill-isfida li għandu quddiemu iżda saħaq li hu flimkien mal-istaff tiegħu jinsabu lesti għaliha.
Il-maġġoranza tal-partitarji ta’ Newcastle kienu rrabjati wara li Benitez ħalla l-klabb minħabba li qal li l-viżjoni tiegħu ma kinitx l-istess bħat-tmexxija tal-klabb. Is-sid Mike Ashley kien fil-mira ta’ kritika kbira mill-partitarji minħabba li naqas li jinvesti fil-klabb.
Bruce se jkun fost l-aktar managers ta’ esperjenza fil-Premier League hekk kif hu s-seba’ l-aktar li mexxa logħbiet fl-istorja tal-Premier League b’total ta’ 392 logħba. L-aħjar riżultati kisibhom ma’ Birmingham fl-istaġun 2003/04 u Sunderland seba’ snin wara meta spiċċa fl-għaxar post. Hu se jkun qed imur iċ-Ċina biex jiltaqa’ mal-iskwadra wara l-logħba mill-Asia Trophy kontra Wolves.
//= $special ?>