Lokali

Tiżdied ir-rata tal-inflazzjoni

F’Ġunju tal-2019 ir-rata tal-inflazzjoni kif imkejjel mill-Indiċi tal-Prezzijiet kienet ta’ 1.8 fil-mija. Dan ifisser żieda ta’ 0.1 perċentawl fuq ix-xahar ta’ qabel.

L-ikbar żieda kienet irreġistrata fl-Indiċi tal-ikel u x-xorb mhux alkoħoliku, b’żieda ta’ 3.7 fil-mija. Ir-raġuni prinċipali għal din iż-żieda tkun ż-żieda fil-prezz tal-ħobż u ċ-ċereali. Kien hemm ukoll żieda fil-qasam tar-ristoranti u l-lukandi kif ukoll servizzi varji.

Dan ikompli jikkonferma l-aktar tbassir ekonomiku riċenti maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea iktar kmieni dan ix-xahar, fejn kien irriżulta li l-prezzijiet tal-prodotti f’pajjiżna se jkomplu jogħlew – xejra li issa ilha għaddejja għal numru ta’ xhur.

Dan ir-rapport Ewropew kien juri biċ-ċar li minn April kompliet tirranka l-għoli tal-ħajja. Dan huwa dovut b’mod partikolari minħabba żidiet fil-prezz tal-ikel.

Fl-aħħar xhur, il-familji Maltin esperjenzaw diversi żidiet fi prodotti li jixtru minn ħwienet, stabbilimenti kummerċjali u supermarkets. Dan biex ma nsemmux prodotti bażiċi bħall-ħaxix, il-ħobż u ġobon.

Il-PN ilu xhur sħaħ jinsisti li n-nies jeħtieġ ikollhom serħan il-moħħ li meta l-ekonomija suppost tinsab sejra tajjeb, it-tkabbir ekonomiku għandu jasal għand kulħadd. Dan meta hawn familji u anzjani li mhux qed jaslu sal-aħħar tax-xahar minħabba l-ispejjeż.